F’pajjiżna inħolqot klassi soċjali ġdida, dik li qed tiġi msejħa bħala l-istretched class – il-klassi ta’ individwi li ma jikkwalifikawx għall-diversi benefiċċji soċjali minħabba d-dħul tagħhom, iżda li xorta waħda qed ibatu minħabba l-kundizzjonijiet attwali.
Din hija l-analiżi li saret minn Caritas Malta, hekk kif preżentat dokument li jiġbor fih numru ta’ proposti għall-Budget; bil-Caritas titfa’ dawl fuq il-fatt li ħafna nies u familji qed jispiċċaw jaqgħu f’din il-klassi soċjali ġdida li mhix tiflaħ iġġebbed sal-aħħar tax-xahar.
Il-Caritas irrimarkat dwar il-bżonn ta’ bidla fis-sistema ekonomika ta’ pajjiżna – minn dik iddominata minn regħba għal waħda li tassew tpoġġi fiċ-ċentru lill-bniedem u l-ġid komuni.
Caritas Malta tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku li jkun aktar soċjali, u li jagħti prijorità lil tliet aspetti prinċipali: it-tnaqqis tad-distakk bejn il-fqir u s-sinjur, li jkollna ambjent soċjali li jippromwovi t-tisħiħ tal-familja u l-komunità, l-ambjent naturali u s-saħħa fiżika u mentali … u mudell ibbażat fuq il-Governanza għaqlija li tippromwovi kontabbilità, ekwità, effiċċenza, u sostennibbiltà.
Din l-organizzazjoni titkellem fost l-oħrajn dwar l-importanza li tiġi miġġielda l-kultura li sejħitilha tal-free for all. U li l-awtoritajiet tal-Gvern, fosthom l-ERA, jkollhom aktar snien.
Apparti minn hekk, Caritas qed tgħid li l-pajjiż jeħtieġ jattira industriji li joffru pagi aħjar – u mhux nibqgħu nibbażaw fuq iċ-cheap labour.
//= $special ?>