Lokali

Il-każ ta’ Carmelo Fino: Erba’ uffiċjali tas-sigurtà, carer u infermier se jaffaċjaw akkużi fil-Qorti

Erba’ uffiċjali tas-sigurtà, carer u infermier se jkunu qed jaffaċjaw akkużi fil-Qorti hekk kif il-Pulizija qed tqishom li kellhom involviment fl-għejbin tal-anzjan, Carmelo Fino li kien sparixxa minn San Vinċenz de Paul.

Sorsi fil-midja qed jgħidu li dawn is-sitt persuni se jkunu qed jittellgħu l-Qorti f’Lulju 2024.

Carmelo Fino, l-anzjan ta’ 83 sena, kien mexa ‘l barra mid-dar tal-anzjani tal-Gvern f’nofs ta’ lejl tat-28 ta’ Ġunju 2023 u nstab mejjet f’nofs ta’ għalqa daqs ġimagħtejn wara.

Is-sitt persuni li mistennija jittellgħu l-Qorti s-sena d-dieħla, kienu ġew sospiżi minn xogħolhom wara inkjesta li kienet saret, fejn qed jitqiesu li naqsu milli jsegwu l-proċeduri meħtieġa għas-sigurtà tar-residenti.

L-infermier kien talab li ssir inkjesta mill-ġdid dwar dan il-każ, b’riżultat li wassal biex hu jingħata lura xogħlu f’residenza oħra.

Wara l-għejbien tal-anzjan, l-MUMN kienet sejħet lill-Gvern biex minnufih jieħu azzjoni dwar in-nuqqas kbir ta’ infermieri hekk kif infermier wieħed jew tnejn weħidhom qed ikollhom ilaħqu ma’ ward sħiħa ta’ pazjenti. Minkejja dan kollu, il-Gvern m’għamel xejn biex itejjeb din is-sitwazzjoni.