Futbol Sport

Imut iċ-chairman ta’ Everton Bill Kenwright 

(Ritratt: EPA)

It-Tnejn filgħaxija, Everton Football Club ħabbru li ċ-Chairman Bill Kenwright miet fl-età ta’ 78 sena imdawwar bil-familjari tiegħu. Fl-aħħar jiem Kenwright kien fit-taqsima tal-kura intensiva wara kumplikazzjonijiet li nqalgħu waqt intervent biex jitneħħilu kanċer fil-fwied.

Bill Kenwright kien ilu chairman ta’ Everton sa mill-2004 wara li ħa post il-ħabib tiegħu Sir Philip Carter. Aktar kmieni din is-sena Farhad Moshiri xtara l-biċċa l-kbira tal-klabb iżda insista li Bill Kenwright jibqa’ ċ-chairman tal-klabb fil-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Fi 19-il staġun Chairman ta’ Everton, il-klabb spiċċa 12-il darba mal-ewwel tmien postijiet fil-Premier League u fl-2005 spiċċaw fir-raba’ post, fejn dak iż-żmien kienu kkwalifikaw għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League. B’kollox taħt it-tmexxija tiegħu, Everton kwalifikaw sitt darbiet għall-kompetizzjonijiet Ewropej.

Fl-2009 Everton waslu sal-finali tal-FA Cup fejn tilfu 2-1 kontra Chelsea.

Fi stqarrija Everton qalu li tilfu chairman, leader, ħabib u ispirazzjoni filwaqt li żammew fi ħsibijiethom lis-sieħba tiegħu Jenny Seagrove, lil bintu Lucy Kenwright, neputijiet u dawk kollha li kienu jafuħ.

Fost dawk li sellmu lil Kenwright, ir-rivali Liverpool FC ħarġu stqarrija fejn fost oħrajn semmew id-diskors imqanqal li kien għamel Kenwright fl-2013 waqt avveniment annwali li jfakkar lill-vittmi ta’ Hillsborough.