Iżrael jinsab urtat għan-Nazzjonijiet Uniti wara li s-Segretarju-Ġenerali tal-Organizzazzjoni, Antonio Guterres, qal li l-attakki tal-Ħamas fuq Iżrael ma jistgħux jitqiesu bħala att iżolat, filwaqt li tenna li l-Palestinjani ‘ilhom isofru 56 sena ta’ okkupazzjoni suffokanti (mill-Iżraeljani)’.
Guterres qal ukoll li ’il-weġgħat tal-Palestinjani ma jistgħux ikunu ġustifikati mill-attakki terribbli tal-Ħamas fuq l-Iżraeljani’ – madankollu, Iżrael, issa, ikkonferma li Martin Griffiths, uffiċjal għoli tan-NU u membri oħra tal-istaff ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali, huma projbiti milli jidħlu fl-artijiet tal-Iżraeljani.
Iżrael qed ikompli bil-bumbardamenti bla heda fuq id-distretti ta’ Gaza bi tweġiba għat-terroriżmu tal-Ħamas, u meta l-ajruplani tal-gwerra qegħdin jattakkaw diversi zoni residenzjali li qed jintużaw mill-istess terroristi minkejja l-periklu għaċ-ċivili fl-inħawi.
Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti akkużat lil Iżrael dwar ‘abbużi tal-liġi umanitarja’ fost appelli għal waqfien mill-ġlied immedjat u biex l-Iżraeljani jippermettu t-trasport tal-għajnuna liċ-ċivili disprati ta’ Gaza.
Dan meta l-isptarijiet f’Gaza ma jistgħux ikomplu bis-servizzi għall-emerġenza minħabba nuqqas ta’ fuel – bl-Iżraeljani iwaqqfu l-movimenti tal-provvisti lejn Gaza. Sadanittant, Iżrael qed jinsisti li l-Ħamas għandu ħażniet kbar tal-fuel li qed jirrifjutahom lill-familji Palestinjani…Familji li t-terroristi qegħdin jużahom għall-iskopijiet tagħhom.
//= $special ?>