Sport Sport Ieħor

Jirbaħ il-lotterija u jintagħżel mat-tim nazzjonali Ingliż tal-Pool li se jkun f’Malta f’Novembru

Ingliż minn Stoke-on-Trent, li rebaħ £2.4miljun u xtara mejda tal-pool, jinsab lest biex jirrapreżenta lill-Ingilterra fil-Kampjonati tal-Ewropa li se jsiru f’Malta bejn l-1 u t-8 ta’ Novembru li ġej.

Neil Jones, li għandu 59 sena u s-sieħba tiegħu Julie Kirkham, rebħu l-lotterija eżatt qabel il-Millied tal-2010.

Bħala xogħol, Jones kien ipoġġi l-madum u għalkemm kien dilettant u jħobb jilgħab il-pool, ma kellux il-ħin biex jitħarreġ biex ikun għall-altezza biex jilgħab f’dan il-livell u bis-saħħa tal-flus li rebaħ u l-mejda li xtara seta’ jilħaq dan it-tragward.

”Bis-saħħa tal-flus li rbaħt stajt nagħmel siegħat twal nitħarreġ u li kieku ma ġarax hekk kieku għadni għarkupptejja nwaħħal il-madum. Ninsab kburi mmens li se nirrapreżenta lil pajjiżi” Jones qal f’intervista ma’ BBC Radio

Jones kompla jgħid li waqt li s-sieħba tiegħu tkun qed tara t-televiżjoni hu jkun qed jilgħab il-pool fuq il-mejda li xtara bil-flus li rebaħ.

Neil Jones ħa vantaġġ mil-lockdown fiż-żmien il-pandemija biex kompla jitħarreġ fuq il-mejda tiegħu meta l-pubs u s-swali tal-pool kienu ovjament magħluqin u mhux aċċessibli għall-pubbliku.

Huwa kien magħżul mat-tim nazzjonali Ingliż tal-Pool waqt tournament aktar kmieni din is-sena u issa se jkun captain tat-tim B1 tal-Ingilterra fil-Kampojnati tal-Ewropa li se jkunu qed isiru fil-Lukanda Dolmen, il-Qawra fil-bidu tax-xahar id-dieħel.

”Ma tistax tixtri post fit-tim nazzjonali, trid taħdem għal siegħat twal” kompla jgħid Jones

”Ninsab entużjast ħafna li flimkien ma’ sħabi nitlaq lejn Malta, nilbes il-flokk tal-Ingilterra u mmexxi lil sħabi f’dawn il-kampjonati” temm jgħid Jones fuq ir-radju BBC Radio.