Colin Schembri
Hibernians…………89
SIGMA Depiro…….59
(27-12)(18-18)(26-17)(18-12)
Dawn iż-żewġ timijiet kellhom rebħa u telfa kull wieħed u t-tnejn riedu rebħa biex jikkwalifikaw għas-semi-finali tal-John Tabone Shield. Ir-rebħa marret b’mod meritat għand it-team ta’ Raħal Ġdid li kienu fuq quddiem tul il-parita kollha għajr għall-ewwel 20 sekonda meta Josh Tomasi għamel l-ewwel basket tal-partita. It-trippli għamlu differenza kbira f’din il-partita hekk kif Hibs għamlu 13 minn 39 tentattiv u Depiro jagħmlu biss 1 minn 16 -il tentattiv. Fil-fatt, wara bidu bilanċjat, kienu żewġ trippli minn Matthew Attard li taw l-ewwel vantaġġ ta’ seba’ punti lil Hibs 14-7. Depiro wieġbu b’baskets minn Tomasi u Cameron Cornelius però Hibs għamlu run ta’ 14-1 bi trippla ta’ Mason Hix biex temmew l-ewwel sessjoni 27-12 minn fuq. Fit-tieni taqsima kienu Depiro li bdew l-aħjar bi break ta’ 9-2 li wassalhom sa’ 8 punti ‘l bogħod. Hawn però waslu sensiela ta’ baskets minn Ivan Demcesen għal Hibs flimkien ma żewġ trippli oħra minn Attard biex fl-intervall Hibs kienu 45-30 minn fuq.
Fit-tielet taqsima stennejna r-risposta ta’ Depiro però Hibs kellhom xejn anqas minn seba’ three pointers fosthom 3 ta’ Calvin Whipple u 2 ta’ Hix. Depiro ppruvaw jirrispondu bil-punti ta’ Kameron Rooks iżda l-vantaġġ tal-Hibernians kiber għal 24 punt 71-47. L-aħħar taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata bil-Hibs ċerti mir-riżultat u l-coaches jagħtu ħin lill-players ta’ fuq il-bank. Demcesen kompla jiddomina taħt il-board b’sitt baskets oħra u t-team ta’ Raħal Ġdid komplew jikkontrollaw sat-tmiem u rebħu l-partita 89-59.
Hibernians: N. Cassar, C. Whipple 18, P. Attard 3, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia 2, N. Vasovic 2, A. Axiaq, R. Aquilina, M. Attard 15, M. Hix 17.
I. Demcesen 32.
SIGMA Depiro: N. Bozovic 2, J. Tomasi 16, A. Aquilina, N. Grech, K. Caruana, A. Attard, K. Rooks 26, M. Brincat 2, M. Mallia, C. Cornelius 9, N. Bukva 2, M. Debattista 2.
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Artun Bayraktar.
Mellieħa Libertas Spalding………..97
Athleta……………………………………..101
(36-19(19-29)(17-25)(25-28)
Finalment waslet ukoll l-ewwel rebħa ta’ Athleta f’din il-kompetizzjoni u għalkemm ma servietx għall-kwalifikazzjoni, żgur li se togħlli l-moral lill-players ta’ Christos Koustotidis hekk kif ħmistax oħra jibdew l-impenji fil-kampjonat BOV kontra Hibernians. Athleta kellhom jiġu lura minn distakk ta’ 23 punt fit-tieni taqsima fejn Mellieħa kienu 49-26 minn fuq. Fil-fatt, Mellieħa kienu minn fuq għal kważi 26 minuta tul il-partita kollha però f’nofs it-tielet sessjoni Athleta ħadu l-vantaġġ u ma telquhx iktar ħlief għal ftit sekondi fl-aħħar taqsima. Mellieħa kellhom l-aħjar bidu hekk kif fetħu l-partita bi break ta’ 13-4 fosthom trippla minn Vukassin Jandric u l-fast breaks ta’ Kwame Thompson. Wara three pointers minn Francesco Mifsud Bonnici u Dajuan Moorer għall-Athleta, Mellieħa għamlu run oħra ta’ 13-4 bi trippli minn Jandric, Thompson u Robert Bonnici. It-taqsima ntemmet bi trippla fuq kull naħa minn Matthew Gouder u Corrado Mercurio biex Mellieħa marru 36-19 minn fuq. Fit-tieni taqsima kien hemm punti fuq kull naħa fosthom minn Tederick Wolfe u Jandric għal Mellieħa u Malik Riddle għall-Athleta. Wara trippla minn Isaac Bonett li poġġiet lil Mellieħa 52-30 minn fuq, Athleta bdew run qawwija ta’ 18-3 b’diversi punti minn Gouder, Riddle u Mifsud Bonnici biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 55-48.
Athleta komplew bir-rimonta tagħhom fit-tielet taqsima fejn sar-raba’ minuta waslu sa’ punt ‘l bogħod mill-avversarji 56-57. Wara li punti ta’ Wolfe u Jandric taw ftit tan-nifs lil Mellieħa, Athleta kellhom il-punti konsekuttivi minn Riddle u Moorer biex għall-ewwel darba marru minn fuq 66-62. Mellieħa ppruvaw jirkupraw malajr bit-trippli ta’ Jandric però Riddle ukoll kellhu trippla għall-Athleta li temmw it-taqsima 73-72 minn fuq. L-aħħar sessjoni fetħet b’sitt punti oħra minn Athleta bi trippla ta’ Naz Buhagiar. Wara risposta minn Mellieħa li rathom jippareġjaw 83-83 bi trippla ta’ Thompson, kien hemm run ta’ 12-4 minn Athleta li rahom jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti 95-86. Mellieħa ma ċedewx u għamlu break ta’ 11-0 fosthom trippla minn Jandric u marru 97-95 minn fuq b’37 sekonda fuq l-arloġġ. Buhagiar għamel l-iskor indaqs fl-attakk ta’ wara u fl-aħħar sekondi kienu Riddle u Gouder li għamlu l-aħħar punti tal-Athleta li rebħu l-partita 101-97.
Mellieħa Libertas: T. Wolfe 28, D. Bugeja 4, R. Bonnici 4, V. Jandric 32, I. Bonett 3, R. Carabott, K. Thompson 28, E. Valdespina, C. Mercurio 3.
Athleta: M. Riddle 32, F. Mifsud Bonnici 10, N. Buhagiar 13, D. Moorer 25, M. Gouder 19, R. Abela 2, I. Medved.
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono
Luxol……………………..74
Starlites JSD…………..86
(17-19)(20-30)(15-24)(20-13)
Luxol riedu rebħa minn din il-partita biex jikkwalifikaw għas-semi-finali però kienu Starlites li ħarġu rebbieħa 86-74 biex bis-saħħa ta’ din ir-rebħa kkwalifikaw ukoll it-team ta’ Valletta li fis-semi-finali se jiltaqgħu kontra Mellieħa fil-waqt li fit-tieni semi-finali Starlites JSD se jiltaqgħu kontra Hibernians. Starlites fetħu bl-ewwel ħames punti tal-partita minn Alec Felice Pace u trippla ta’ Christian Hinkson. Luxol bdew jirrispondu bil-punti ta’ Tariq Woody u Gael Hulson qabel ma Starlites għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta. It-taqsima baqgħet missielta hekk kif wara li Luxol għamlu sitt punti oħra, trippla fuq kull naħa minn Woody u Matthe Attard ħallew lil Starlites 19-17 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites marru 5 punti minn fuq 26-21 b’Nathan Xuereb jirrispondi bi trippla u basket għal Luxol. Bil-mod, Starlites bdew ikabbru l-vantaġġ bi break ta’ 10-2 u lejn tmiem il-perjodu kien hemm il-punti konsekuttivi minn Hinkson għal skor ta’ 49-37.
Wara l-intervall, Starlites bdew b’sitt punti mingħajr risposta minn Davonte Craven bil-Luxol ikollhom biss 4 free-throws minn Hulsen u Woody. Hawn Starlites għamlu run oħra ta’ 10-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 24 punt 67-43. Luxol wettqu reazzjoni bil-punti ta’ Woody u Nikola Jovanovic però Starlites kienu għadhom 19 minn fuq fi tmiem it-tielet taqsima 73-54. Fl-aħħar sessjoni Luxol għamlu sforz ieħor bi break ta’ 10-2 bi trippli ta’ Jovanovic u Xuereb biex naqqsu d-distakk però hawn waslu l-punti minn Alec Felice Pace u Hinkson flimkien ma’ trippla ta’ Attard li ssiġillaw ir-rebħa ta’ Starlites fuq skor finali ta’ 86-74.
Luxol: J.Cefai, S. Pace, I. Azzopardi 2, N. Jovanovic 12, A. Azzopardi, JP Schembri 1, N. Xuereb 18, G. Hulsen 4, T. Woody 31, M. Matijevic 4, S. Cappello 2.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 19, C. Hinkson 14, M. Attard 8, S. Aquilina, I. Felice Pace 7, M. Fabri 5, D. Craven 28, L. Farrugia 2, K. Xuereb, N. Sultana, M. Lorquet 3.
Referees: Artur Bayraktar, Nicky Azzopardi, Julie Londono.
//= $special ?>