Stanislaus Caruana ta’ 70 sena minn Bormla u residenti Ħal Tarxien ma nstabx ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li f’Awwissu 2017 ikkorrompa mpjegat tal-Gvern fuq post mill-Awtorità tad-Djar. L-allegazzjoni kienet li huwa għadda pagament ta’ €500 lil ċertu Carmel Spiteri li kien impjegat mal-Ministeru ghall-Familja u Solidarjetà Soċjali
.
Dan biex Spiteri jiehu ħsieb applikazzjoni ghall-akkomodazzjoni li kien sottometta l-imputat. Samantha Zerafa, li taqdi l-kariga ta’ Customer Care Coordinator fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, xehdet li kien hemm okkażjoni fejn Caruana kien qalilha li xtaq post mill-Awtorità tad-Djar u li minkejja li kien applika, jidher li kien intilef il-fajl.
Talabha ukoll takkumpanjah għal laqgħa li kellu ma ċertu Carmel Spiteri li “jahdem mal-Ministru”. Din il-laqgħa u dan Carmel Spiteri kien impenja ruħu li jftittex il-fajl. Ix-xhud kompliet tgħid li xi żmien wara, l-imputat kien reġa’ sabha u qalilha li Carmel Spiteri kien talbu €500 “biex ikun jista’ jgħinu” u li hu kien tahomlu.
Dwar dan ix-xhud kienet kellmet lill-Ministru Chris Fearne li minn naħa tiegħu kien bagħat għall-imputat biex ikellmu. L-imputat kien qalilha ukoll li hu kien ħa recording tal-inċident meta Carmel Spiteri kien talbu l-flus.
Madankollu meta semgħatu ma kienx ċar. Ix-xhud ċċarat li kienet għenet lill-imputat ghax kienet tafu personalment għax kienu t-tnejn minn Bormla. Spjegat li skont l-għarfien tagħha, ma kien talab l-ebda ħlasijiet ulterjuri lill-Awtorità sabiex il-fajl jiġi pproċessat ladarba kien instab.
Fl-istess seduta xehed Mario Magro in rapprezentanza tal-Awtorita tad-Djar. Ix-xhud ipprezenta l-fajl relattiv għall-applikazzjoni tal-imputat li kienet biex jikseb post that titolu ta’ kera minghand l-Awtorita.
L-istatus tal-applikazzjoni kien għadu dak ta’ pendenti. Ix-xhud spjega li l-uniku ħlas sabiex tigi pprocessata l-applikazzjoni huwa ta’ €1.00 u mill-bqija tħallas kollox l-Awtorità in kwantu ta’ spejjez ta’ riċerki fl-insinwa u verifiki oħrajn.
Il-Qorti qalet li minn eżami taż-żewġ stqarrijiet tal-imputat u taż-żewġ CDs esebiti, il-Qorti tikkunsidra li dawn il-provi huma relevanti u validi u wara li semgħathom jermerġi l-fatt li l-imputat kien qed jipprova jikorompi lil xi ħadd li l-prosekuzzjoni itenni li dan kien Charles Spiteri.
Irrizulta minin dawn ic-CDs l-imputat kien qed jipprova jinqeda bil-flus sabiex jakkwista properjetà mill-Awtorità tad-Djar tramite dan Carmel Spiteri. Madankollu l-Qorti qalet li tista biss tideċiedi minn aspett legali u unikament skont dak li tipprovdi il-liġi.
Il-prosekuzzjoni naqset milli tressaq lil Carmel Spiteri. Illi bla dubju ta’ xejn kien ix-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni u li dak li bl-Ingliż jikkunsidraw bħala ‘the star witness’. Ix-xhieda tiegħu kienet essenzjali u kruċjali għaliex biex xhieda tiegħu seta jikkonferma l-kariga u l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa.
Dan seta’ jixhed u jinforma l-Qorti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-imputat, seta jixhed dwar il-flus li irċieva u l-iskop tagħhom kif ukoll jiddentifika lill-imputat. Oltre dan seta jagħraf u jiddentifika l-ilħna fuq iż-żewġ CDs u jispjega l-kuntest tagħhom u dak kollu li ġara.
Illi dan kollu qed jingħad ghaliex l-akkużi tal-prosekuzzjoni huma kollha relatati miegħu. Illi Carmel Spiteri kien notifikat sabiex jattendi għas-seduta tat-2 ta’ Dicembru 2022 u r-riferta taqsmet lil martu nhar il-24 ta’ Ottubru 2022.
Madankollu, Spiteri ma attendiex għas-seduta u l-Qorti pproċediet sabiex sabitu ħati ta’ disprezz. Waqt l-istess seduta l-Qorti ġiet ukoll informata li x-xhud Carmel Spiteri għandu proċeduri kontrih pendenti. Illi dan ifisser li l-prosekuzzjoni kieku segwiet il-kawża l-oħra li kellu – kellha mezz ieħor sabiex tinotifikah kif ukoll teżegwixxi l-Mandat ta’ Akkumpanjament.
Madankollu fis-seduta ta’ wara, l-Mandat ta Akkumpanjament ma ġiex eżegwit għaliex il-prosekuzzjoni iddikjarat illi qed tirrinunzja għax-xhieda tiegħu u ddikjarat il-provi definittivament magħluqa. Id-deċiżjoni serviet sabiex serjament impediet lill-Qorti milli tista’ tasal għal deċiżjoni legali.
Il-Maġistrat Lia qalet li mingħajr ix-xhieda kruċjali ta’ Carmel Spiteri, hi ġiet imċaħda minn prova li kienet tħalli lill-Qorti tasal għal prova lil hin minn kull dubju dettat mir-raġuni. Il-Qorti qalet ukoll li l-prosekuzzjoni naqset għal kollox sabiex iġib prova li Carmel Spiteri kien uffiċjal jew impjegat f’amministrazzjoni pubblika jew mal-Gvern fiż-żmien mertu tar-reat.
Dawn il-provi setghet faċilment ġabithom kemm direttament mill Jobs Plus, mill-Ministeru tal-Finanzi jew mill-Gvern Ċentrali li ikollu recordss ta’ impjiegi ta’ uffiċjali. Għaldaqstant peress li ma li ma nġabet ebda prova ta’ l-impjieg kif ukoll l-eżistenza ta’ dan Carmel Spiteri l-Qorti qalet li se jkollha tgħġaddi sabiex tillibera lill-imputat mill-akkuzi kollha. Għal Caruana dehru l-Avukati Jason Azzopardi u Chris Busietta. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri.