Fi stqarrija maħruġha mill-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, il-Kelliem għall-Ġustizzja qal li f’tentattiv ieħor iddisprat biex ikompli jiddefendi lil min iffroda lill-poplu Malti u Għawdxi, Robert Abela dawwar il-kanuni tiegħu fuq l-Imħallfin u l-Maġistrati li qed jaqdu dmirhom b’lealtà lejn il-ġurament li ħadu.
Nhar it-Tnejn, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-każ tal-tliet sptarijiet misruqa lill-Maltin u l-Għawdxin, Robert Abela mar fil-Parlament u minflok qal kif u meta se jġib lura l-miljuni li serqulna, għażel li jattakka lill-ġudikatura.
Bħalma għamel Joseph Muscat qablu, fid-diskors tiegħu Robert Abela pprova jiskredita lill-ġudikanti tagħna billi attribwielhom motivazzjonijiet politiċi partiġġjani. Dan l-attakk mhux għajr tentattiv viljakk ieħor biex Abela u l-Partit Laburista jkomplu jiddefendu lil Joseph Muscat, lil Konrad Mizzi, lil Keith Schembri u lil kull min bill subgħajh f’din il-frodi li pajjiżna qatt ma ra bħalha.
L-imġiba tal-Prim Ministru Abela mhix aċċettabbli f’soċjetà demokratika; hija mġiba irresponsabbli u perikoluża li għandha tiġi kkundannata minn kulħadd.
Din mhix l-ewwel darba li Abela attakka lill-ġudikatura. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Abela għamel diversi xhur jattakka lill-Maġistrat li mexxiet l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewta traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.
Fl-istess żmien, Joseph Muscat beda kampanja sistematika ta’ attakki fuq il-Maġistrat li qed tmexxi l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-bejgħ tal-isptarijiet tal-poplu lil Vitals u Steward.
Illum huwa evidenti għal kulħadd li dawn l-attakki ta’ Robert Abela u ta’ Joseph Muscat huma intenzjonati biss biex iżommu ’l bogħod l-id tal-ġustizzja mill-kriminali li ffrodawna. Dawn l-attakki qed isiru biex ma ssirx il-ġustizzja li għandha ssir dwar każijiet gravi ta’ abbuż ta’ poter, korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus.
Bil-kontra ta’ Robert Abela u Joseph Muscat, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-fiduċja tiegħu fil-membri tal-ġudikatura ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-Qrati tagħna bħala l-akbar u l-aħħar difiża li l-poplu tagħna għandu għall-ġustizzja, għas-saltna tad-dritt u għad-demokrazija.
//= $special ?>