Raġel ta’ 44 sena minn Ħal-Għaxaq ġie kundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammetta li xtara ponn tal-ħadid mill-internet li wasallu Malta bil-posta. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi qalet li marret għal minimu tas-sentenza.
Dan għax hi tal-fehma li fuq ammissjoni bikrija ta’ Ian Caruna u l-fatt li kkopera bis-sħiħ mal-uffiċjali tad-dwana u mal-prosekuzzjoni, tal-fedina penali netta tiegħu, li għandu mpjieg fiss u li dan kien żball ta’ darba, sentenza ta’ priġunerija effettiva ma tilħaqx l-effett mixtieq anzi x’aktarx li jkollha effetti negattivi biss, kemm fuqu kif ukoll fuq is-soċjetà, u fiċ-ċirkostanzi din għandha tingħata fil-minimu tagħha.
Caruana kien inqabad wara li fil-5 ta’ Jannar li għadda mill-uffiċjali tad-dwana li fetħu pakkett indirizzat lilu li wasal fl-uffiċini tal-Maltapost. Huwa kien ammetta li mporta arma regolari, magħrufa bħala ‘Knuckle Duster’, li tinsab fil-lista ta’ armi pprojbiti.
Huwa kien mixli wkoll li ffroda lill-Gvern billi naqas milli jħallas id-dazju dovut ta’ 81ċ u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li tammonta għal €4.71. Dan peres li l-ponn tal-ħadd kien jiswa €25.38. Madanakollu, din l-akkuża kienet irtirata mill-prosekuzzjoni iktar tard, peress li ngħad li Caruana kien irregolarizza ruħu u ħallas dak kollu dovut. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-ponn tal-ħadid.
//= $special ?>