Ekonomija Lokali

STĦARRIĠ MID-DITTA EY: L-infrastruttura mhux qed tlaħħaq maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni

L-Attractiveness Index baqa' fl-istess livell

L-ippjanar tal-infrastruttura ta’ pajjiżna hija inadegwata ħafna meta wieħed jikkunsidra l-mod kif splodiet il-popolazzjoni fl-aħħar snin.

Dan kien konfermat mill-istħrarriġ illi sar mid-ditta EY u li wera l-falliment totali tal-Gvern tal-Labour bil-mudell ekonomiku li l-istess Prim Ministru Robert Abela jidher li għadu qed ikaxkar saqajh sabiex ibiddel.

L-istħarriġ preżentat l-Erbgħa filgħodu wera li 49% tal-investituri barranin jaħsbu li l-infrastruttura hija fqira ħafna biex twieġeb għal din iż-żieda fil-popolazzjon. Fil-fatt, l-investituri f’pajjiżna qed jisħqu li din iż-żieda fil-popolazzjoni qed tixħet sfidi kbar hekk kif għal darb’oħra l-iżvilupp infrastrutturali mhux qed jirrifletti proprju din iż-żieda. Dan filwaqt illi insistew li l-mudell ekonomiku qed iżid il-pressjoni fuq l-għoli tal-ħajja, u d-dinja tax-xogħol.

L-istess investituri saħqu li huwa imperattiv li titfassal strateġija sabiex tiġi msaħħa l-infrastruttura u jsir investiment veru fil-ħaddiema.

Meta ġiet preżentata d-data li inġabret minn dan l-istħarriġ, irriżulta li Malta żammett l-istess livell fejn tidħol l-attrazzjoni għall-investiment – għalkemm naqsu dawk li għandhom pjan li jinvestu l-operat tagħhom f’Malta.

L-istħarriġ juri wkoll li fost l-akbar riskji li kapaċi joħolqu sfidi kbar għall-isem tal-pajjiż fit-tliet snin li ġejjin hemm proprju l-inkwiet dwar ir-reputazzjoni infisha – b’37 fil-mija imħassbin dwar dan. Din ir-rata hija żieda mis-sena preċedenti.

Skont is-survey tal-EY, 36 fil-mija tal-kumpaniji qalu li bi ħsiebhom ikomplu jespandu fis-sena li ġejja – 10 fil-mija inqas mis-sena l-oħra. Dan fost l-oħrajn kaġun tal-inflazzjoni għolja, kif ukoll l-effetti internazzjonali.

L-istħarriġ wera li l-prezz tal-proprjetà kif ukoll l-għoli tal-ħajja qed iħallu effett qawwi fuq l-abbilità sabiex jinstabu ħaddiema barranin ta’ livell. Dan filwaqt li oħrajn jaħsbu li hemm bżonn ta’ aktar pagi kompetittivi.

Intant, intqal li fil-ħames snin li ġejjin l-ekonomija Maltija se tkun qed tibbaża l-aktar fuq it-turiżmu u d-divertiment, is-settur tal-gaming u dak tal-Inteliġenza Artifiċjali.

B’kollox, kienu 68 fil-mija dawk illi qed ibassru li se jkunu għadhom qed joperaw f’Malta fl-10 snin li ġejjin – tnaqqis marġinali fuq is-sena li għaddiet.