Kienu madwar 23,000 il-każi li ġew rappurtati matul is-sena li għaddiet lill-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali. Dan hekk kif il-Ħamis, l-FSWS preżentat ir-rapport annwali bbażat fuq is-sena 2022.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li fl-aħħar għaxar snin il-każijiet baqgħu telgħin, bl-akbar ammont ta’ nies jingħataw servizz mingħand l-Aġenzija Appoġġ.
Skont ‘data‘ ippreżentata waqt l-istess konferenza, jidher li matul is-sena li għaddiet l-Appoġġ weħidha kellha ‘il fuq minn 8,800 każ.
54% tal-każijiet li għaddew minn taħt l-FSWS – li jammontaw għal 12,649 – kienu ta’ nisa, filwaqt li 46% kienu rġiel. Interessanti l-fatt li fil-każ ta’ ċittandini barranin kien hemm aktar każijiet ta’ rġiel milli nisa.
Apparti minn hekk, l-aktar persuni li jagħmlu użu mis-servizzi li toffri din il-fondazzjoni huma żgħażagħ taħt is-sbatax -il sena u persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena. Dan filwaqt li l-aktar problemi komuni kienu relatati mas-saħħa, abbuż fuq it-tfal, vjolenza domestika kif ukoll mas-saħħa mentali.
Waqt din il-konferenza ntqal li hawn bżonn t’aktar social workers sabiex jonqsu n-nies li hemm fuq il-waiting list. Dan hekk kif in-numru ta’ social workers li qed jigradwaw mill-Università ta’ Malta rari jaqbeż it-30.
Intant, matul is-sena li għaddiet din il-Fondazzjoni organizzat diversi attivitajiet sabiex in-nies ta’ kull età jkunu jafu bis-servizzi li hemm offruti bil-għan li dawk kollha li jkollhom bżonn l-għajnuna jirrikorru għaliha.
//= $special ?>