Il-qaddief ta’ Birgu Regatta Club Dylan Portelli, kien ippreżentat bit-TGS Fair Play Award li jkopri l-perjodu bejn Lulju u Settembru 2023.
Dan l-unur huwa riżultat tal-kolaborazzjoni li l-Għaqda Ġurnalisti Sports għandha mal-Malta Fair Play Movement u Together Gaming Solutions.
Dylan Portelli kien ippremjat għall-fatt li waqt l-aħħar edizzjoni tar-Regatta Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, li saret fit-8 ta’ Settembru, fi tmiem it-tiġrija Klassi A Tal-Pass Ta’ Bi Tnejn mirbuħa mill-Birgu fuq Bormla, il-qaddief ta’ Bormla Clive Casha ħassu ħażin.
Wara li l-qaddief Clive Casha ttieħed fuq il-lanċa tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa, Dennis Thornton spiċċa waħdu fuq id-Dgħajsa Tal-Pass Ta’ Bi Tnejn. Peress li daħlu mal-ewwel tliet klassifikati, id-dgħajjsa kellha tintiżen skont ir-regolamenti tal-Għaqda Regatta Nazzjonali. F’dak il-mument Thornton ma setax jaqdef waħdu għall-użin u għaldaqstant Dylan Portelli, li ġej mill-klabb rivali tal-Birgu, offra li jmur bħala rmiġġ miegħu u jgħinu jaqdef id-dgħajsa għall-użin kif eventwalment sar.
Dan huwa kkunsidrat bħala ġest ta’ Fair Play, wara li Bormla kienu qed jirriskjaw li ma jżommux mat-time limit, li kieku ma kienx hemm dan l-intervent tal-qaddief tal-Birgu, Portelli.
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret minn Liana Said, Kap tal-Finanzi ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement.
Għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi u l-membru Josef Galdes.
//= $special ?>