Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Għandna d-dmir li nqumu għall-okkażjoni” – Roberta Metsola tindirizza l-Kunsill Ewropew

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet lill-mexxejja tal-UE li t-teħid ta’ pożizzjoni b’saħħitha kontra t-terrur u li jsir kull sforz biex tittaffa l-kriżi umanitarja f’Gaża m’għandhomx jeskludu lil xulxin.

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-President Metsola qalet li, l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandnhom r-responsabbiltà li jibqgħu magħqudin. L-għan għandu jkun li tiġi evitata li l-eskalazzjoni perikoluża tinfirex fir-reġjun. Kompliet li b’kull mezz il-mexxjja għandhom jaraw li fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm dejjem iċ-ċans li tista’ tinstab il-paċi.

Il-President Metsola qalet li l-mexxejja tal-UE jridu jibqgħu jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipproteġu l-ħajjiet innoċenti. Żiedet tgħid li dan huwa għaliex qed ssir ħidma biex jinħelsu l-ostaġġi u biex titwassal l-għajnuna umanitarja u għaliex il-Parlament Ewropew sejjaħ għal pawsa umanitarja biex dan jintlaħaq. Metsola qalet li huwa għalhekk li l-Parlament laqa’ l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea ttriplat l-għajnuna umanitarja.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-Ewropa għandha tkun lesta li timpenja ruħha biex jintlaħqu għanijiet aktar fit-tul favur paċi sostenibbli u dejjiema. Qalet li l-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tqum għall-okkażjoni u tati s-sehem tagħha favur soluzzjoni ġusta ta’ żewġ stati li tkun ekwa u ġusta.

Waqt li rreferiet għall-invażjoni illegali Russa fl-Ukrajna, il-President Metsola qalet li l-Kremlin qed jittama li l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna jiddgħajjef, ħaġa li qalet qatt ma għandha titħalla ssir. Żiedet tgħid li fi ftit ġimgħat, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta l-pakkett ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea tant mistenni, u saħqet li l-Ewropa wkoll trid tkun lesta biex tieħu l-passi li jmiss.

Dwar l-immigrazzjoni, il-President Metsola qalet li l-iżviluppi riċenti u ż-żieda fil-wasliet ta’ dawk li jfittxu l-ażil reġgħu wrew il-konsegwenzi tal-politika maqsuma tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

Qalet li Ir-ritorn jeħtieġ jsir aktar effettiv permezz ta’ pproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet għall-ażil, għandu jkun hemm it-titjib ta’ modi kif isir ir-ritorn, irid ikun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, pajjiżi terzi, istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE. Dawn il-punti għandhom ikunu fil-quċċata tad-diskussjonijiet tagħna qalet Metsola.

Appellat biex isir aktar – b’mod kollettiv – biex isir progress fuq l-elementi kollha tal-patt dwar il-Migrazzjoni. Il-President Metsola temmet tgħid li n-nies se jħarsu lejn il-mexxejja tal-UE biex jaraw x’wettqu fuq dawn il-kwistjonijiet kollha qabel ma jivvutaw f’Ġunju li ġej u għalhekk jeħtieġ li din tkun indirizzat.