Enerġija Lokali

Il-Gvern ma jafx x’qed jiġri fl-Enerġija – PN

F’Awwissu, anqas minn xahrejn ilu, il-Partit Nazzjonalista kien talab lill-Gvern biex ikun trasparenti dwar it-tmexxija tal-Enemalta u jikkonferma jew jiċħad rapporti li ċ-Chairman Eżekuttiv Jonathan Cardona kien tkeċċa fid-dawl tal-falliment fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.

Il-Ministru Miriam Dalli kienet ċaħdet u qalet li ser jibqa’ hemm. Imma lbieraħ tħabbar li l-Enemalta għandha Chairmen Eżekuttiv ġdid u għalhekk, dawk ir-rapporti kienu minnhom.

Dan ifisser li jew il-Ministru kienet qed tigdeb, ma tafx x’qed jiġri fl-Enemalta jew il-kontroll m’għadux f’idejha.

Dan jikkonferma wkoll li issa, Robert Abela qed jirrikonoxxi li hemm responsabbiltà x’tinġarr dwar il-qtugħ ta’ dawl li sofra l-poplu Malti dan is-sajf u li din kienet frott l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ ppjanar.

Tikkonferma wkoll li Robert Abela gideb meta waħħal il-problema biss fis-sħana u fit-tibdil fil-klima.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar u dettaljat biex in-nies ikollhom servizz tal-enerġija li jixirqilhom, servizz stabbli, reżiljenti u li jistgħu jserrħu fuqu s-sena kollha.