Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu għamilha ċara li l-offensiva kbira fuq it-terroristi tal-Ħamas tista’ tkun biss sigħat ‘il bogħod fost indikazzjonijiet li l-fażi li jmiss tal-kampanja militari ta’ Iżrael għandha tibda sal-aħħar tal-ġimgħa.
U bħala ‘preludju’ għall-azzjoni, numru kbir ta’ tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani, fil-lejl tal-Erbgħa, qasmu lejn Gaza fejn irnexxielhom jeqirdu diversi ‘entitajiet tat-terroristi’ waqt rejds li konċentraw speċifikament fuq il-miri pjanati minn qabel.
Fir-rejds ħadu sehem ukoll is-suldati Iżraeljani li — wara ġimgħatejn sħaħ ta’ attakki mill-ajru fuq Gaza – għenu biex ‘iwittu t-triq għall-invażjoni totali tat-territorji kontrollati mill-Ħamas’.
Fl-aħħar sigħat ħarġu l-filmati tal-bulldozers tal-Iżraeljani waqt li kienu qed jiftħu l-aċċessi għat-tankijiet u vetturi armati oħra biex jinfiltraw l-artijiet ta’ Gaza. Il-filmati anki wrew it-tankijiet qed jisparaw għal fuq numru ta’miri bi tħejjija għall-fażi li jmiss tal-kumbattimenti….Fażi li l-Iżraeljani qed jittamaw li tkun deċiżiva għall-eliminazzjoni tat-theddida terroristika minn Gaza.
L-Iżraeljani huma determinati biex, akkost ta’ kollox, ipattuha lill-Ħamas wara li t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru, invadew Iżrael ( minn Gaza) fejn qatlu l-mijiet tal-familji u żgħażagħ li kienu preżenti għal festival tal-mużika waqt sensiela ta’ attakki ‘fuq il-livell ta’ ġenoċidju’.
Il-fatt li Iżrael baqa’ ma wettaqx l-offensiva kbira fuq tal-Ħamas hu dovut għat-talba tal-Istati Uniti – u tal-President Amerikan Joe Biden. Dan biex l-Istati Uniti tingħata biżżejjed żmien ħalli tikkonsolida d-difiżi u kontinġenti militari bażati fid-diversi zoni tal-Lvant Nofsani. Skont il-Wall Street Journal, l-Amerikani qed jibgħatu sistemi ta’ difiża avvanzati għal kontra l-attakki mill-ajru lejn ir-reġjun bħala protezzjoni addizzjonali għas-suldati tal-Istati Uniti.
Benjamin Netanyahu, issa, qal li l-militar tiegħu diġà eliminaw lill-eluf tat-terroristi u li Iżrael se jagħmel minn kollox biex jeħles lill-ostaġġi – tfal, nisa u anzjani – li spiċċaw maħtufa mill-Ħamas waqt l-attakki tas-7 ta’ Ottubru.
Netanyahu qed jgħid ukoll li ‘il-Ħamas fadallu biss qasir żmien bħala entità terroristika effettiva’ u li t-terroristi jridu jħallsu prezz terribbli għall-atroċitajiet li wettqu fuq poplu innoċenti.
//= $special ?>