Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mal-mexxejja Ewropej tal-PPE

L-għoli tal-ħajja, is-saltna tad-dritt, l-immigrazzjoni, il-kwistjoni fil-Lvant Nofsani kif ukoll l-isfidi f’setturi importanti bħas-saħħa kienu fost it-temi li kienu diskussi fost il-mexxejja Ewropej tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li għalih attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.

Għas-Summit, li tmexxa mill-President tal-PPE Manfred Weber, attendew bosta mexxejja Ewropej oħrajn, fosthom il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-Prim Ministru-elett tal-Polonja Donald Tusk, il-Prim Ministru tal-Iżvezja Ulf Kristersson, tal-Kroazja Andrej Plenkovic u tal-Latvja Evika Silina, kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Taljan Antonio Tajani, li kollha jiffurmaw parti mill-familja politika tal-PPE, bħall-Partit Nazzjonalista.

Matul is-Summit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-għoli tal-ħajja, fejn appella lill-mexxejja Ewropej biex jippreżentaw l-aqwa viżjoni ekonomika possibbli ħalli ċ-ċittadini tagħhom ma jitħallewx jiffaċċjaw waħedhom din il-pjaga. Fost l-oħrajn, hu semma’ wkoll kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu ppreżenta l-viżjoni ekonomika li qed jara għal Malta għax Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jagħti ħajja aħjar f’pajjiżna.

Fl-intervent tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni wkoll biex issir ħidma vera ħalli tittieħed azzjoni meħtieġa dwar l-immigrazzjoni. B’hekk, pajjiżi fin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa, fosthom Malta, ikunu salvagwardjati l-interessi tagħhom. L-intervent tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien kruċjali f’dan id-dibattitu biex il-mexxejja wegħdu aktar ħidma biex tkun indirizzata din l-isfida.

Irrefera wkoll għall-importanza li l-mexxejja Ewropej jipproteġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżhom għax din hi tema importanti u għal qalb ħafna ċittadini Ewropej. Hu spjega l-pożizzjoni u l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll il-politika biex is-saltna tad-dritt tissaħħaħ, fost l-oħrajn b’rispett lejn il-ġudikatura u l-istituzzjonijiet, li għandhom ikunu ħielsa biex jagħmlu xogħlhom sew f’pajjiż demokratiku u modern.

Sadanittant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll laqgħat privati u individwali mal-President tal-PPE Manfred Weber, mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, mad-Deputat Prim Ministru Taljan Antonio Tajani u mal-Kap tal-Oppożizzjoni Spanjol Alberto Nunez Feijoo.