Lokali Saħħa

Il-Labour jibqa’ jinsisti li l-isptarijiet ġabhom lura hu

Waqt il-programm Popolin il-Ministru Jonathan Attard qal li l-Gvern ħa d-deċiżjonijiet neċessarji u l-isptarijiet ingħataw lura permezz tal-controlled step-in. Dan meta l-fatti huma kompletament differenti – għaliex kien grazzi għall-kawża li fetaħ Adrian Delia li l-isptarijiet ġew lura għand il-poplu, wara snin ta’ miljuni li ġew sparpaljati fix-xejn.

Waqt l-istess programm, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li f’dak li suppost kellu jkun investiment spiċċa inbidel fi frodi.

Apparti minn hekk, Adrian Delia fakkar li s-sentenza li ngħatat mill-Ewwel Qorti kif ukoll mill-Qorti tal-Appell kienu sentenzi bla preċedent … għaliex iddikjarat li kien hemm frodi fi 3 istanzi.

Dan filwaqt li l-Gvern kien kompliċi hekk kif komplew jingħataq il-miljuni lil Steward mingħajr ma sar investiment.

Adrian Delia fakkar kif l-isptar San Luqa tħalla fi stat diżastruż filwaqt li l-isptar il-ġdid li kellu jinbena f’Għawdex qatt ma sar.

Meta l-Ministru Jonathan Attard kien mistoqsi min se jerfa responsabbiltà għal dan id-deal frawdolenti huwa qal għal darba darbtejn li diġa intrefgħet responsabbilta.

Għal din ir-reazzjoni Adrian Delia sostna li kieku dan l-iskandlu seħħ f’pajjiż ieħor kien ikun hemm ir-riżenzji jew saħansitra jaqa’ l-Gvern; iżda Robert Abela aġixxa qisu ma ġara xejn u l-Kummissarju tal-Pulizija baqa ma investigax.

Intant, lejn tmiem din id-diskussjoni, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia spjega x’qed jistenna wara din is-sentenza …..fejn huwa sostna li għandu jsir l-investiment li m’għamilx Steward.

Bil-Ministru Jonathan Attard ma jagħti l-ebda assigurazzjoni li dan l-investiment se jitwettaq.