Lokali

Il-paga minima se tkun qed togħla bi €8 fil-ġimgħa

Mis-sena d-dieħla, il-paga minima se tkun qed togħla bi 8 ewro. Dan ifisser li kull min illum huwa ħaddiem bil-paga minima u jaqla’ €192.73, mis-sena d-dieħla se jkun qed jaqla’ €200.73 fil-ġimgħa – li magħha mbagħad tiżdied il-COLA.

Fi kliem sempliċi, issa dawn il-ħaddiema se jkunu qed jitħalsu €5.34 fis-siegħa minflok €4.82. Bħalissa hemm madwar 6,000 ħaddiem li jaqgħu fil-faxxa tal-paga minima.

Min, b’riżultat tal-ftehim li kien sar fl-2017, bħalissa għandu paga minima li tvarja bejn il-€192.73 u l-€198.73 fil-ġimgħa, fl-2024 din se tgħolilu b’€8 u €2.

B’kollox il-paga minima nazzjonali bejn l-2024 u l-2027 se togħla bejn €12 u €18 fil-ġimgħa minbarra l-COLA li trid tingħata f’dan il-perjodu.

Jidher li dan kollu ġie deċiż wara diskussjonijiet li saru bejn numru ta’ unions u korpi kostitwiti wara li aktar kmieni din is-sena twaqqfet il-Low Wage Commission.

Meta wieħed janalizza dan kollu jinduna li fil-verità l-Gvern mhu se jkun qed jagħti l-ebda żieda lill-ħaddiema li jaħdmu fil-privat. Dan għaliex il-piż għal din iż-żieda fil-paga minima se jkun qed tintrefa’ kollha mill-employers. U dan kollu allura se jirriżulta fi spejjeż addizzjonali għan-negozji.

Dan meta fl-istess ħin….anke ż-żieda tal-COLA tintrefa’ kollha kemm hi minn min iħaddem u mhux mill-Gvern.

Diversi opinjonisti qed jirrimarkaw ukoll dwar il-fatt li meta dawn il-ħaddiema se jitilgħu livell ‘il fuq, jista’ jagħti l-każ li allura jilħqu ħaddiema oħra li qabel ma kinux bil-paga minima. Meta dan iseħħ, il-ħaddiema li ma kinux jaqgħu fil-minimum wage, huma wkoll se jitolbu li tingħatalhom żieda. Jekk dan iseħħ, il-Unions ikollhom janalizzaw is-sitwazzjoni u jitolbu li jsir ftehim settorjali ġdid.

U allura finalment dan kollu se jħalli impatt kbir fuq l-ekonomija Maltija fejn min iħaddem se jkollu joħroġ iktar flus minn ġewwa.