Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin iwettaq provi nukleari bħala ‘kalkolu tad-difiża’ għal kontra xi attakk

It-Tmexxija tar-Russja wettqet prova ‘partikulari’ għall-kapaċitajiet tagħha biex twettaq attakk ‘kbir’ fuq livell nukleari. Dan waqt li l-Ministru Russu responsabbli mid-Difiża, Sergei Shoigu, fisser l-eżerċizzju bħala wieħed li jikkalkula r-reazzjoni tar-Russja għal attakk potenzjali fuq dan il-livell mingħand xi Stat ostili.

Il-President Russu Vladimir Putin kien infurmat dwar l-iżviluppi kollha tal-prova li saret fi żmien sensittiv u ta’ tħassib għad-dinja kollha.

Dan ukoll meta l-Parlament f’Moska appoġġja d-deċiżjoni tar-Russja biex ma tisseħibx fir-ratifika ta’ trattat globali li jipprojbixxi kull prova ‘fil-prattika’ tal-warheads nukleari.

Ir-Russja u l-Istati Uniti t-tnejn iwettqu l-provi li jevalwaw il-kapaċitajiet nukleari tal-pajjiżi rispettivi.

Fl-istess ħin, il-Kremlin f’Moska qal li l-aħħar prova tar-Russja kienet tinvolvi l-missili ballistiċi u numru ta’missili cruise. Ingħad ukoll li missila ballistika interkontinentali kienet sparata minn sit fil-Lvant Imbiegħed tar-Russja u b’missila oħra tispiċċa sparata minn sottomarin iġġenerat min-nukleari fil-Baħar ta’ Barents.