Tliet bouncers u attendant tal-biljetti li ssejħu biex jixhdu kontra l-boxer Libjan Mohamed Ali Ahmed Elmushraty fi proċeduri relatati ma’ allegat attakk f’beach club f’Tas-Sliema f’Mejju ta’ din is-sena, li ħalla raġel ferut gravi, ma setgħux jitfgħu dawl fuq l-inċident.
Elmushraty, jinsab akkużat li weġġa’ serjament raġel ieħor waqt ġlieda f’Medasia Playa f’Tas-Sliema u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li qabel kienu imposti fuqu fl-2019 b’rabta ma’ każ ieħor. Huwa qed jiċħad l-akkużi, filwaqt li jsostni li aġixxa biex jiddeffendi lilu nniffsu.
Ir-raġel ta’ 31 sena, li kien ingħata l-libertà proviżorja fil-każ tal-aggressjoni, madankollu jibqa’ f’kustodja preventiva minħabba proċeduri kriminali separati relatati ma’ ħasil ta’ flus li jiċċentraw fuq il-ġid mhux spjegat tiegħu, qabel kien intbagħat il-ħabs fl-2018 talli attakka u fera bouncer ta’ Paceville b’ xabla tas-samurai.
Forsi b’kumbinazzjoni, ħadd mit-tliet bouncers li ssejħu biex jixhdu qalu li ma kienu raw xejn, l-ebda ġlieda. L-ewwel li xehed kien Dejan Vasinkovich, mis-Slovenja, li qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala gwardjan tas-sigurtà f’Medasia Playa.
L-Ispettur Shamus Woods, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, staqsieh dwar l-allegat attakk. “Jien ma kontx involut fl-inċident,” huwa wieġeb. “Meta seħħ l-inċident, kont fuq il-bieb fid-daħla tal-club. Meta dħalt fil-kamra, il-ġlieda kienet diġà spiċċat.
“Il-maniġment qalli biex nieħu wieħed mill-ġuvinti nvoluti fil-ġlieda u skortajt lir-raġel barra.” Mistoqsi jekk għarafx lil xi ħadd fl-awla llum, Vasinkovich wieġeb fin-negattiv. “Kien hemm ħafna nies. Kommossjoni. Ma rajt l-ebda ġrieħi. Ir-raġel deher konfuż, imma jien ma rajt l-ebda ġrieħi,” huwa qal, filwaqt li żied li kien il-kap tiegħu li kien indika lil min kellu jeskorta barra mill-post.
Il-Maġistrat Joe Mifsud staqsa lill-Ispettur Woods jekk il-kumplament tax-xhieda tiegħu “humiex se jkunu l-istess bħal dan ix-xhud.” “Hu ta rendikont differenti ħafna fl-istqarrija tiegħu,” wieġeb l-Ispettur. Għaliex ix-xhud għalhekk ma ġiex ikkonfrontat fil-Qorti llum b’dak li kien qal fl-istqarrija tiegħu mhuwiex ċar.
Wara xhed Marko Mikhailovic, ċittadin Serb li kien jaħdem ukoll bħala bouncer f’Medasia Playa qal ukoll lill-Qorti li dak iż-żmien kien qed jaħdem mal-bieb. “Fil-mument tal-inċident kont fuq il-bieb nitkellem fuq il-mobile tiegħi. Sibt sejħa fuq ir-radju u dħalt ġewwa imma ma rajt l-ebda ġlieda,” qal Mikhailovic.
It-tielet xhud kien Uros Timovski, ukoll mis-Serbja. Timovski kien qed jaħdem ukoll fid-daħla tal-Beach Club, huwa qal. Tenna li ma seta’ jiftakar xejn dwar l-inċident. “Kont fuq in-naħa ta’ barra mal-bieb. Jien ma rajt xejn b’għajnejja. Kien hemm żewġ persuni, ħriġna wieħed minnhom.” Huwa ma kien ra l-ebda persuna midruba, huwa qal..
Ir-raba’ xhud kien Nicola Pavic, mis-Serbja. Mistoqsi x’jiftakar dwar l-inċident, hu wkoll, ma kien ra xejn.
“Kont qed naħdem mal-bieb niċċekkja l-biljetti. Kien hemm xi ġlied u dħalt ġewwa biex nara x’inhu jiġri u qaluli biex immur lura barra għax il-bieb kien waħdu.”
“Mela kulħadd kien qed jaħdem mal-bieb?” irrimarka l-Ispettur Woods. Pavic qal ukoll lill-Qorti li ma kienx jaf min kien qed jaħdem ġewwa l-klabb dak iż-żmien. “Għandek radju allura għandek tkun taf x’inhu jiġri ġewwa,” wieġeb l-ispettur.
Ix-xhud tenna li l-ewwel kien ġie msejjaħ ġewwa biex jgħin fit-trattament tal-ġlieda u mbagħad reġa’ ntbagħat barra biex joqgħod mal-bieb. “Kemm nies kienu involuti fil-ġlieda?” staqsa l-ispettur. “Ħafna,” wieġeb ix-xhud, li qal ukoll lill-Qorti li ma kienx ċert jekk jiftakarx li ra xi persuni feruti. “Kien ħafna żmien ilu.” Il-każ ikompli f’Diċembru. Għal Elmushraty qed jidhru l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.