Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-qawwiet Russi wettqu attakk bid-drones kontra pajjiżu u li x’aktarx kienu mirati direttament għal faċilità nukleari fir-reġjun ta’ Khmelnytsky, lejn il-Punent tal-pajjiż.
L-attakk ħalla numru ta’ feruti minbarra ħsarat minimi, iżda l-intenzjoni, bla dubju, kienet għall-massimu tal-istraġi u, possibbilment, sitwazzjoni ta’ kriżi relatata mal-faċilità inkwistjoni.
Madankollu, l-International Atomic Energy Agency (IAEA) qalet, sigħat ilu, li l-operat ta’din il-faċilità ma kienx affettwat mill-attakk anki jekk l-inħawi triegħdu minn sensiela ta’ splużjonijiet qawwija.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-IAEA, Rafael Grossi. ħareġ stqarrija li l-attakk inkwistjoni jenfasizza l-perikli għas-sigurtà nukleari minħabba l-gwerra fl-Ukrajna li ilha minn Frar tal-2022.
Il-faċilità nukleari ta’ Khmelnytsky għandha żewġ reatturi – b’wieħed minnhom qed jiffunzjona b’mod normali u bl-ieħor ilu wieqaf minn Awwissu skont pjan speċifiku tal-awtoritajiet.
Il-President Ukren tenna, intant, li l-attakk fuq ir-reġjun ta’ Khmelnytsky juri li d-difiżi tal-pajjiż għal kontra l-attakki mill-ajru jeħtieġu aktar appoġġ mingħand is-sieħba internazzjonali tal-Ukrajna.
//= $special ?>