Raġel li nqabad b’żewġ kilos ta’ kokaina u eroina qal lill-pulizija li kellu problema kbira ta’ vizzju iżda rrifjuta li jikkummenta aktar meta mistoqsi dwar id-droga fil-pussess tiegħu, semgħet il-Qorti l-Ġimgħa. Nicholas Farrugia, ta’ 31 sena residenti Ħal Qormi, ġie mixli b’rabta mas-sejba wkoll ta’ 500g kokaina.
L-uffiċjali sabu l-ammonti ta’ drogi fuq Farrugia wara li waqqfuh wara tip-off, u mbagħad aktar mis-sustanzi illeċiti ġewwa magna tal-ħasil u armarju tal-kċina f’farmhouse ġewwa Ħal Luqa. Farrugia kien fil-mira tal-uffiċjali tal-Pulizija kmieni s-Sibt filgħodu fi Triq il-Belt, Ħal Qormi wara li rċevew informazzjoni li kien għadu kemm irċieva kunsinna ta’ droga ta’ żewġ kilos.
Il-Pulizija waqqfu lil Farrugia ġewwa vettura fis-6.30am tat-30 ta’ Settembru, qal l-Ispettur tal-prosekuzzjoni Jonathan Pace meta xehed fil-proċeduri. Huwa ta borża li kien fiha diversi qratas ta’ sustanza kannella aktar tard ikkonfermata li hija eroina.
L-uffiċjali lemħu wkoll żewġ qratas oħra, wieħed kien fih eroina, l-ieħor kokaina, mal-art qrib il-vettura. Aktar tard il-Pulizija fittxet f’farmhouse f’Ħal Luqa fil-preżenza ta’ Farrugia. Hu minn rajh għadda kontenitur mimli qratas simili mimlijdroga li ħareġ minn armarju ġewwa l-kċina.
Hekk kif kompliet it-tfittxija, il-pulizija ltaqgħu ma’ magna tal-ħasil żgħira. Ġewwa, fihs kien hrmm xi t-shirts u borża tad-drapp ħadra. U ġewwa dik il-borża skoprew tliet boroż mdaqqsa suspettati eroina u kokaina. Kien hemm ukoll oġġetti oħra tad-droga ġewwa r-razzett.
Aktar tard Farrugia qal lill-pulizija li kellu problema kbira tad-droga iżda ma kompliex jitkellem meta mistoqsi dwar l-affarijiet li nstabu fil-pussess tiegħu. Huwa ġie arrestat u tressaq il-Qorti l-għada, u wieġeb mhux ħati li kellu fil-pussess aggravat xi żewġ kilogrammi eroina u 500g kokaina.
Wara li semgħet ix-xhieda tal-prosekutur u uffiċjali oħra tax-xena tad-delitt, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, iddikjarat li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex l-akkużat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Farrugia ngħata l-libertà proviżorja suġġetta għal diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €8,000, garanzija personali ta’ €10,000, iffirmar fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u taħt curfew bejn il-11:00pm u s-6:00am. L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri deheru għall-akkużat.