Futbol Sport

Rebħa konvinċenti għal Liverpool…tasal l-ewwel telfa għal West Ham wara 17-il partita fl-Ewropa

(Ritratt: EPA)

Fil-UEFA Europa League, rebħa oħra konvinċenti għal Liverpool meta bl-aktar mod faċli għelbu lil Toulouse 5-1. Il-gowls ta’ Liverpool kienu skorjat permezz ta’ Diogo Jota, Wataru Endo, Darwin Nunez, Ryan Gravenberch u Mohamed Salah. Għal Toulouse ġab momentarjament id-draw Thijs Dallinga.

Waslet l-ewwel telfa għal West Ham United wara 17-il partita mingħajr telfa fl-Ewropa meta barra minn darhom kienu megħluba 2-1 minn Olympiacos. Il-Griegi fetħu vantaġġ doppju permezz ta’ Konstantinos Fortounis u Rodinei. West Ham naqsu l-iskor tliet minuti mit-tmiem permezz ta’ Lucas Paqueta.

Rebħa wkoll konvinċenti għal Roma fuq Slavia Prague ta’ 2-0 bil-gowls ta’ Roma jkunu skorjati permezz ta’ Edoardo Bove u Romelu Lukaku.

Brighton ukoll kisbu rebħa importanti fil-grupp tagħhom, ta’ 2-0 fuq Ajax. Joao Pedro fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima filwaqt li Ansu Fati rdoppja fit-53 minuta.

Fil-UEFA Conference League, Aston Villa barra minn darhom kisbu rebħa ta’ 4-1 fuq AZ Alkmaar. Leon Bailey poġġa lil Aston Villa fil-vantaġġ filwaqt li gowls ta’ Youri Tielemans, Ollie Watkins u John McGinn komplew ikabbru l-iskor. Ibrahim Sadiq skorja għal AZ Alkmaar.

Fiorentina ssorprindew b’rebħa kbira ta’ 6-0 fuq Cukaricki. Il-gowls ġew skorjati minn doppjetta ta’ Lucas Beltran, Jonathan Ikone, Riccardo Sottil, Lucas Martinez u Maxime Lopez.