Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li serqet portmoni minn ħanut

Żagħżugħa ta’ 27 sena residenti Birkirkara ġiet ikkundannata sena ħabs sospiża għal sentejn mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstabet ħatja li s-sena l-oħra serqet portmoni minn ħanut tal-merċa f’San Pawl il-Baħar.

Fil-Qorti, l-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ fit-22 ta’ Marzu tal-2022 mill-ħanut ‘Green Corner’ li jinsab fi Triq il-Ħġejjeġ. Mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà tal-ħanut, irriżulta li Cuschieri serqet il-portmoni wara li l-vittma poġġiet il-basket fl-art f’rokna sakemm tbiegħdet ftit biex tagħżel il-ħaxix.

Il-vittma ndunat li nsterqet meta marret biex tħallas għax ma setgħetx issib il-portmoni fil-basket Cuschieri ammettiet għall-akkuża u qalet li serqet il-portmoni biex tħallas xi affarijiet kif ukoll biex taqta’ xi dejn li kellha.

Apparti s-sentenza sospiża, il-Maġistrat ordnat lil Cuschieri trodd €560 lill-vittma fi żmien sitt xhur. Minn eżami tal-istqarrija tat-28 ta’ Marzu 2022, jirriżulta li l-imputata ammettiet li hija serqet il-portmoni minn ġewwa l-ħanut fejn qalet: “rajt dak il-portmoni fejn il-kaxxi tal-ilma u ħadtu”.

Stqarret ukoll li kienet serqitu biex bilflus tħallas xi affarijiet kif ukoll tħallas lura xi dejn li kellha ta’ meta kienet silfet xi flus. Meta ġiet konfrontata bil-fatt illi l-kartiera kien fiha biss €540 meta radditha lura
lill-Pulizija fit-22 ta’ Marzu 2022, l-imputata stqarret li mhux veru li fil-kartiera kien is-somma ta’ €1,300 f’kontanti u insistiet li kien hemm is-somma ta’ €1,1003

Ammettiet ukoll li kienet lesta trodd lura wkoll il-bilanċ tal-flus lid-derubata. Lil hinn minn din il-konfessjoni skjetta u inekwivoka tal-imputata, il-ħtija tagħha għar-reat ta’ serq tal-portmoni ta’ Halima Belrhazi fit-22 ta’ Marzu 2022, hija affermata mill-immaġini fil-filmati tal-cameras fl-istabbiliment.
,

Il-filmati esebiti mis-Surġent Antoine Fenech tat-22 ta’ Marzu 2022, osservat lill-vittma tpoġġi baskett ħdejn il-fliexken tal-luminata u ilma li kienu fl-art quddiem il-counter, u ddur mal-ħanut tagħżel il-ħaxix. Wara ftit minuti, tidħol fil-ħanut persuna u ftit wara, waqt li din il-persuna qiegħda tistenna biex tħallas għand il-kaxxier, tidher tilmaħ xi ħaġa fuq il-fliexken tal-luminata u ilma li kienu quddiemha, preċiżament fil-lok fejn il-vittma poġġiet il-portmoni.

Din il-persuna għamlet diversi sekondi tistenna viċin il-bieb tal-ħanut tħares daqqa lejn din il-ħaġa, u daqqa madwarha, evidentement biex issib l-aħjar opportunita’ biex taħtaf l-oġġett, sakemm fl-aħħar xtrat flixkun tal-coca cola u hija u ħierġa mill-ħanut, ħatfet l-oġġett u telqet ‘il barra.

Din il-persuna tintgħaraf faċilment bħala Yanika Cuschieri. Għaldaqstant, kollox magħdud, il-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-ħtija tal-imputata għas-serqa li ġiet mixlija dwarha lil hinn minn kull dubju raġjonevoli.

Il-Qorti tosserva wkoll illi fiż-żmien meta wettqet din is-serqa, l-imputata kienet taħt Ordni ta’ Probation għal sentejn kif ukoll taħt ordni ta’ liberazzjoni kondizzjonata għal tliet snin, liema żewġ ordnijiet kienu għadhom fis-seħħ.

Madanakollu, l-imputata ma ġietx mixlija li wettqet ir-reat li qed tinstab ħatja dwaru llum waqt li kienet taħt Ordni ta’ Probation u jew Ordni ta’ liberazzjoni kondizzjonata. Il-Qorti ħadet dan in konsiderazzjoni għal fini tal-piena, u għalhekk l-imputata ma jistħoqqilhiex tibbenefika minn sanzjoni fil-komunita’. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.