Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi wara ħabta f’Ħaż-Żabbar

Raġel ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żabbar, weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident f’Ħaż-Żabbar stess.

L-inċident seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tal-7:15 fi Triq il-Kunvent.

Il-Pulizija marret fil-post u mil-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn BMW misjuqa minn Sirjan ta’ 29 sena residenti l-Marsa u mutur Kymco misjuq mill-vittma.  Konsegwentement, il-mutur laqat ukoll Mitsubishi Pajero li kien ipparkjat.

Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.