Għaddew erbat ijiem u s’issa l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għadu qed ikaxkar saqajh u għadu ma ħa ebda azzjoni dwar is-sentenza definittiva li ħarġet mill-Qorti t-Tnejn li għadda dwar id-deal ta’ Vitals u Stewart – deal li sar mill-Gvern u li seraq lill-poplu Malti 400 miljun ewro.
Iżda quddiem din il-kundanna tal-Qorti, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ ċass u mhu qed jagħmel xejn – tant li bħall-Kummissarju Angelo Gafa, qed jinħeba wara l-inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja dwar dan id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward.
Meta affacjat bid-domandi ta’ Net News, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri baqa’ jgħid li għandu fiduċja f’Angelo Gafa.
It-Tnejn li għadda, 8 xhur wara s-sentenza mgħotija mill-Imħallef Francesco Depasquale, ġie kkonfermat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul li l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandhom jingħataw lura lin-nies minħabba frodi u n-nuqqas kbir li jintlaħqu l-miri.
Kull ma nbidel mis-sentenza kien biss li l-Gvern weħel parti mill-ispejjeż tal-kawża – dan għaliex il-Qorti tal-Appell rabtet il-konsorzju privat mal-Gvern; illi jfisser li kienu parti waħda minn dan il-ftehim li sewa lill-poplu Malti u Għawdxi €400 miljun.
Fis-sentenza intqal kif il-kollużjoni tat-tliet sptarijiet saret fit-tliet stadji tal-proċess: ċioè qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt….meta kien qed jiġi nnegozjat… kif ukoll meta l-kumpanija Steward ħaet f’idejha l-isptarijiet. Fi kliem sempliċi, kien hemm ħadma mal-Gvern tul il-proċess kollu.
Issa, bl-aktar mod inevitabbli, il-poplu qiegħed jappella għal azzjoni immedjata mill-Gvern tal-Labour sabiex ma jibqax ikaxkar saqajh…u jintraddu lura bi dritt il-flus misruqa minn but il-poplu. Dan hekk kif sal-lum, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma fetaħx kawża kontra Vitals u Steward sabiex pajjiżna jieħu lura dawn il-miljuni.
//= $special ?>