Internazzjonali

Stati Uniti: L-akbar qtil tal-massa fl-Istat ta’ Maine — bl-aggressur għadu jiżgiċċa lill-pulizija

Inqatlu talanqas 20 wara li raġel ta’ 40 sena – li sa ftit ilu kien jagħti l-istruzzjonijiet dwar l-użu tal-armi – spara għal fuq in-nies li nzerta quddiemu f’żewġ lokalitajiet ta’ Lewiston, fl-Istat ta’ Maine. Il-vittmi li spiċċaw fil-mira tal-aggressur – identifikat bħala Robert Card – kienu qed jiddevertu f’ristorant u ċentru tal-bowling u fejn ma kellhom l-ebda ċans li jiddefendu ruħhom.

L-inċident, bla dubju, hu l-akbar każ ta’ ‘mass shooting’ fl-Istati Uniti din is-sena u l-President Amerikan Joe Biden mal-ewwel offra kull appoġġ fuq livell federali lill-pulizija ta’ Lewiston.

Mhux eskluż li jista’ hemm ħafna aktar vittmi u feruti fl-isparaturi li ħallew lill-poplu ta’ Lewiston trawmatizzat u mbikkem. Dan waqt li numru enormi ta’ pulizija u State troopers kienu involuti fi tfittxija intensiva għall-aggressur, bl-awtoritajiet iwissu lin-nies biex taħt l-ebda ċirkustanzi ma javviċinaw ‘lil dan ir-raġel armat u perikoluż’.

Intant, numru ta’ feruti mill-attakki ttieħdu lejn l-eqreb sptarijiet – uħud minnhom bil-ħelikopters.

Is-sitwazzjoni tant hi serja li l-belt ta’ Lewiston – fejn qed jgħixu xi 38,000 resident – spiċċat fuq lockdown, bin-nies jissakkru ġewwa djarhom fost l-istat ta’ paniku ġenerali. Fl-aħħar sigħat, il-pulizija kienu anki qed ifittxu għall-qattiel fi bnadi oħra ta’ Maine, fosthom Bowdoin, Auburn u Lisbon.

L-iskejjel ukoll ingħalqu, bin-negozji ta’ Lewiston ma joffrux is-soltu servizzi minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ periklu akut magħrufin bħala ‘active shooter situation’….Sitwazzjoni li tinvolvi anki l-aktar każ imdemmi li qatt seħħ fl-Istat ta’ Maine.

Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali tal-liġi anki stazzjonaw ruħhom madwar sptar fl-inħawi ta’ Lewiston minħabba s-sitwazzjoni imprevedibbli u l-fatt li ħadd ma seta’ ibassar ‘il-pass li jmiss’ mill-aggressur; magħruf li jbati bi problemi mentali.

L-aggressur kien armat b’azzarin ta’ tip militari meta wettaq l-istraġi fir-ristorant u ċ-ċentru għall-bowling u r-rapporti qalu wkoll li hu kien għamel żmien bħala riservista mal-Armata.