F’Lewiston, belt f’Maine fl-Istati Uniti, mill-anqas 22 mejta u madwar ħamsin midruba, wara li raġel spara fuq dawk li kienu għaddejjin u mbagħad ħarab.
L-agressur jismu Robert Card u fis-sajf li għadda ddaħħal f’faċilità għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.
L-isparaturi seħħew wara li Card sostna li sema’ vuċijiet u hedded li jiftaħ in-nar fil-bażi tal-Gwardja Nazzjonali.
Matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, Card spara fuq in-nies f’mill-anqas tliet postijiet differenti, inkluż bowling alley u bar, qabel ħarab.
Uffiċjali tal-lokal irrapportaw li l-awtoritajiet sabu l-karozza tas-suspettat, abbandunata madwar 10 kilometri fin-Nofsinhar ta’ Lewiston.
Sadanittant il-pulizija għada għaddejja bit-tfittxija għall-agressur, filwaqt li qalet lir-residenti biex jibqgħu d-dar u ħeġġet lin-negozji kollha biex jagħlqu temporanjament sakemm iddum din it-tfittxija.
Skont post fuq Facebook mid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Lewiston, Robert Card għandu 40 sena u għandu jitqies bħala armat u perikoluż. Hu wkoll għalliem ċċertifikat tal-armi tan-nar u membru tar-Riżervi tal-Armata tal-Istati Uniti.
//= $special ?>