Lokali

Wara l-isplużjoni fil-popolazzjoni… il-ħaddiema barranin se jkollhom bżonn ‘skill card’ biex jaħdmu fis-settur tal-ospitalità

Minn Jannar tas-sena d-dieħla, persuni barranin minn pajjiżi terzi, kemm dawk li għandhom bżonn viża u anke dawk eżentati minnha, iridu jsegwu taħriġ u assessjar partikolari.

Dan se jkun jikkonsisti f’kors mandatorju fl-Ingliż li jinkludi s-settur tal-ospitalità, kors dwar il-prodott turistiku f’Malta u kors ta’ kif persuna għandha sservi b’mod bażiku klijent u ħiliet oħrajn abbażi tal-linja li tkun għażlet il-persuna – sew jekk ikun xogħol f’bar, front office, restorant jew fil-kċina. Għal kull kors ser issir assessjar individwali għalih.

Dan il-kors akkreditat mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-assessjar neċessarju jridu jagħmluh fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom online, u ċ-ċertifikat maħruġ mill-ITS jintuża fl-applikazzjoni tagħhom mal-viża.

Dawk li jgħaddu mill-istadji kollha inkluż il-verifiki neċessarji stabbiliti mill-aġenzija Identità u jiġu f’Malta, iridu jerġgħu jiġu sottomessi għal eżami ieħor f’Malta biex jiġu eżaminati fil-prattika mill-ITS.

Fin-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-istandards ta’ kwalità, l-aġenzijia Identità mhux ser tkun qed toħroġ permess tax-xogħol lil ħaddiema barranin.

Imbagħad minn Ottubru tas-sena d-dieħla, dawk il-ħaddiema barranin li diġà jaħdmu fit-turiżmu lokalment iridu wkoll jagħmlu korsijiet u eżamijiet li fihom jiġu assessjati fuq il-ħiliet tagħhom. F’każ li ħaddiem barrani li diġà qiegħed jaħdem hawnhekk ma jgħaddix, ma jiġġeddidx il-permess tax-xogħol.

L-għan aħħari ser ikun li tiġi introdotta skills card għal kull min jaħdem fl-industrija tal-ospitalità u t-turiżmu. Din ir-riforma ser tkun immexxija mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi permezz tal-ITS Training School b’ħidma konġunta ma’ Identità – li qabel kienet Identity Malya – u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru dawn id-dettalji, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal bl-iktar mod ċar li għandha tingħata aktar importanza lill-kwalità… xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jisħaq fuqha. Speċjalment wara li l-Gvern addotta pjan ekonomiku li wassal għal splużjoni fil-popolazzjoni… dan meta kien proprju Gvern Laburista li lura fl-2013 beda jħaddan politika li tibbaża fuq mudell ekonomiku imsejjes fuq il-kwantita u n-numri… u mhux il-kwalità.