Lokali

Ħidma sħiħa biex tipproteġi lill-ġurnalisti

L-uniku mezz beix nirbħu lil dawn il-bulijiet hija billi nibqgħu nistinkaw u nissieltu – ma nistgħux infallu lil Daphne.

Sostna dan il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa l-Ġimgħa filgħodu waqt diskussjoni organizzata mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ The Shift News fejn flimkien ma’ esperti legali internazzjonali, u l-komunità tal-midja lokali ġiet diskussa t-tema tal-iSLAPP.

David Casa irrikonoxxa li huwa ferm diffiċli f’dawn iż-żminijiet li s-servi l-professjoni ta’ ġurnalist speċjalment meta tkun qed iżżomm kontabbli persuni fil-poter.

Huwa insista li lura fl-2017 ġie kkreat grupp maħluq minn MEPs minn kull sfera politika sabiex jiġu protetti l-ġurnalisti għaliex Casa nnifsu kien wiegħed lil Daphne Caruana Galizia li l-ebda ġurnalist ieħor ma kien se jgħaddi mill-martirju ta’ SLAPPs li kienu għaddew lilha minnhom…anke sa wara li ġiet assassinata.

David Casa insista li l-media working group tiegħu qiegħed jagħmel minn kollox sabiex il-Kunsill Ewropew flimkien mal-Parlament Ewropew isibu qbil fin-negozjati bil-għan li d-direttiva tkun vitali għas-salvagwardja tal-ġurnalisti.

Dan filwaqt li talab lil politiċi ta’ rieda tajba sabiex iżommu attenzjoni għal min ikun irid japprofitta bi kbir minnhom.

Intant, f’messaġġ awdjo-viżiv, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola saħqet li l-abbiltà li l-ġurnalisti jirrapportaw fil-libertà kollha f’suġġetti ta’ interess pubbliku…mhux biss hija importanti imma essenzjali għal demokrazija ta’ pajjiż.

Hija insistiet li kawżi SLAPP huma illeġittimi, għaliex huma kawżi legali l-qorti magħmulin biex jagħlqu ħalq il-ġurnalisti – dan billi jagħksu emozjonalment u finanzjarjament lil dawk li jispiċċaw fil-mira tagħhom.

Roberta Metsola spjegat li preżentament għaddejjin negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew bil-mira tkun li din il-liġi l-ġdida tipprovdi sigurtà, proċeduri effiċjenti u kumpensi xierqa. Apparti dan kollu hija saħqet li l-Parlament Ewropew qiegħed isejjaħ għat-twaqqif ta’ one stop shops fl-istati Membri sabiex vittmi ta’ SLAPP ikunu jistgħu jirċievu s-sostenn meħtieġ.

Dan kollu hekk kif f’Lulju ta’ din is-sena l-Parlament Ewropew ivvota għal direttivi aktar robusti li huma anti-SLAPP.