B’diversi suġġerimenti tar-rappreżentanti tiegħu fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, l-Ippjanar tal-Iżvilupp u t-Tibdil fil-Klima, il-Partit Nazzjonalista insista li l-policy u l-linji gwida għad-diżinn għal żvilupp ta’ krematorji tkun waħda ċara, trasparenti u ferma.
Dan intqal fi stqarija maħruġa mid-deputati Stanley Zammit u Janice Chetcuti.
Il-Partit Nazzjonalista ra li l-abbozz rivedut jinkludi wħud mill-proposti mressqa minnu fl-ewwel konsultazzjoni. Fost dawn il-proposti hemm li, f’każ li l-lok ma jibqax jintuża’ għal kremazzjoni, il-lok ma jistax jintuża’ għal xi skop ieħor, anzi għandu jingħata lura lill-Istat, kif titlob l-Awtorità tal-Ippjanar.
L-Awtorità tal-Ippjanar laqgħet ukoll is-suġġeriment tal-Partit Nazzjonalista li l-kosta kollha, u mhux biss l-ewwel 15-il metru, tkun eskluża minn dan it-tip ta’ żvilupp.
Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista reġa’ insista li l-binja ta’ 500 metru kwadru b’għoli ta’ 7.7m (aktar minn żewġ sulari) li jwasslu għal spazju mibni ta’ 1,000 metru kwadru ‘l fuq mill-art hi wisq, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li dan it-tip ta’ żvilupp se jsir fuq art barra miz-zona tal-iżvilupp.
Filwaqt li hu tajjeb li hu stabbilit li krematorji jistgħu jinbnew biss fejn diġà hemm xi tip ta’ żvilupp, sakemm dan ma jkunx agrikolu, din m’għandhiex tintuża’ bħala skuża biex binjiet żgħar f’zoni barra mill-iżvilupp isiru binjiet ta’ kważi tliet sulari fuq medda massiċċa meta, kemm minħabba n-natura tal-iżvilupp kif ukoll minħabba t-teknoloġija li diġà teżisti, dan ma jkunx il-bżonn. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista enfasizza li dawn il-limiti għandhom jitnaqsu fil-policy.
Għall-istess raġuni, il-Partit Nazzjonalista argumenta li kemm il-limiti dwar l-għoli taċ-ċmieni, kif ukoll id-distanza ta’ 183 metru bejn il-krematorji u r-residenti, għandhom ikunu stabbiliti fil-policy.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din il-policy għandha tkun ta’ eżempju għal żvilupp li jkun zero karbonju nett, għandu jkun obbligatarju li jsir Environmental Impact Assessment u li l-policy għandha tkun ċara fil-limiti tal-emmissjonijiet permissibbli u mhux awtorità tfarfar fuq oħra.
Filwaqt li jirringrazzja lill-membri tal-Gvern f’dan il-Kumitat li qablu u vvottaw favur il-punti imressqa mid-Deputati Nazzjonalisti Stanley Zammit u Janice Chetcuti fl-istess Kumitat, il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Gvern jirrispettaw dan il-qbil fil-finalizzazzjoni ta’ din il-policy u li din tkun waħda ferma, ċara u trasparenti.
//= $special ?>