L-ajruplani tal-gwerra tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, attakkaw żewġ bażijiet fis-Sirja li qed jintużaw mill-milizzji li qegħdin jieħdu appoġġ dirett mingħand l-Iran fundamentalista. L-azzjoni kienet ritaljazzjoni għal spinta ta’ attakki bid-drones u l-missili fuq it-truppi Amerikani fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
L-aħbar qed tirrifletti ‘estensjoni u eskalazzjoni potenzjali’ tal-konflitt bejn Iżrael u l-Ħamas u hemm biża’ kbira dwar gwerra totali li tinvolvi lill-pajjiżi kollha tar-reġjun,
L-attakki tal-ajru mill-Amerikani tmexxew bi preċiżjoni kbira u konċentraw fuq il-miri viċin ta’ Boukamal, fil-Lvant tas-Sirja,. Fost oħrajn, intlaqtu depots tal-armi u l-munizzjon li huma ‘konnessi’ mal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran u li fl-aħħar jiem kienu qed jintużaw għall-attakki fuq il-bażijiet militari tal-Amerikani.
Jidher li l-Istati Uniti, b’din l-azzjoni, riedet twassal messaġġ ċar lill-gruppi appoġġjati mill-Iran li l-Amerikani mhumiex se jżommu lura mill-azzjonijiet meħtieġa biex irażżnu kull aggressjoni fil-konfront tal-kontinġenti militari tagħhom fil-Lvant Nofsani.
Dan wara li fil-jum tal-Ħamis, bażi tal-Amerikani fis-Sirja kienet attakkata għat-tieni darba f’jumejn — bil-gruppi tal-milizzji jolqtu anki bażi tal-militar Amerikan fil-punent tal-Iraq.
Mis-17 ta’ Ottubru ‘il hawn kien hemm talanqas 20 attakk fuq il-bażijiet tal-Amerikani fis-Sirja u fl-Iraq u li fihom intużaw kwantità ta’ missili u drones’.
//= $special ?>