Lokali Qorti

Każ ta’ ‘road rage’ wassal biex raġel imur 20 xahar ħabs wara li aggredixxa sewwieq fil-Marsa

Julian Cucciardi, ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, ġie kkundannat 20 xahar ħabs mill-Maġistrat Rachel Monteme wara li nstab ħati li aggredixxa raġel ieħorwaqt ‘road rage’ fil-Marsa. L-inċident seħħ fl-20 ta’ Lulju 2021 fi Triq Ħal Qormi, meta Cucciardi għamel ħsara lil karozza u kompla biex ta daqqa ta’ ponn lis-sewwieq tagħha, li weġġa’ ħafif.

Il-vittma rrakkonta kif kien qed isuq il-karozza biex imur għax-xogħol fit-triq ħdejn l-uffiċċji tal-Maltapost, meta vann li kien qed jinstaq ħdejh, ġibed quddiemu u bblokkalu t-triq. Ix-xufier tal-vann, identifikat bħala Cucciardi, allegatament qal lill-vittma li kien se jreġġa’ lura fih, u pproċeda biex jagħmel hekk, fejn laqtu bil-‘cargo bed’ tal-vann.

Il-vittma kompla jirrakkonta kif saq madwar il-vann u telaq b’veloċità, iżda weħel fit-traffiku taħt il-pont, fejn l-istess xufier reġa’ bblokkalu triqtu, iżda din id-darba ħareġ mill-vann, tah daqqa ta’ ponn mit-tieqa, u ta daqqa ta’ sieq lill-karozza tiegħu.

Tabib li ra l-inċident kollu kkorrobora l-verżjoni tal-vittma, u qal li niżel mill-mutur tiegħu biex jaqbad lill-aggressur. It-tabib, li xehed fil-Qorti, qal li l-vittma kellu xi ħmura madwar xufftejh u kien qed jilmenta minn wġigħ fi snienu.

Min-naħa tiegħu, Cucciardi ċaħad li rriversja lura fil-karozza tal-vittma u ta daqqa ta’ ponn lill-vittma, għax sostna li ma setax jilħaq peress li l-vittma laħaq telaq. Madankollu, ammetta li ta daqqa ta’ sieq lill-karozza għax kien irrabjat, peress li s-sewwieq l-ieħor kien sejjaħlu kemm-il darba bi kliem vulgari waqt li wliedu kienu preżenti fil-vann, hekk kif kien qed jeħodhom il-poliklinika.

Il-Qorti ma emmnitx il-verżjoni tal-avvenimenti tal-akkużat. Il-Qorti qalet li l-provi rriżultaw li fil-fatt għamel ħsara lill-karozza billi mar għal ġdejha, u wkoll weġġa’ ħafif lis-sewwieq tagħha. Il-Qorti qalet li Cucciardi għandu diffikultà biex jikkontrolla r-rabja tiegħu, u li l-manifestazzjoni tiegħu ta’ vjolenza ma tistax tkun iġġustifikata.

Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jitgħallem jikkontrolla r-rabja tiegħu. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal sena. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Darren Buħagiar u
Gabriel Kitcher.