Budget 2024 Lokali

L-MEA b’ċanfira lil-Gvern rigward il-Paga Minima

Skont l-Assocjazzjoni ta’ Min Iħaddem, ż-żieda fil-paga minima hija biss logħba li l-Gvern qiegħed jilgħab sabiex jitfa il-bżar fl-għajnejn.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li dan il-ftehim intlaħaq permezz tar-rieda tajba tal-imsieħba soċjali iżda saħqet li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu huma li primarjament jerfgħu r-responsabbiltà għal dan l-arranġament. Dan għaliex il-gvern mhux qed jikkontribwixxi biex ikopri xi parti miż-żidiet fil-pagi.

Kompliet tgħid illi kwalunkwe żieda fil-paga minima u l-COLA se tinvolvi spejjeż addizzjonali għall-pagi tal-kumpaniji matul żminijiet ta’ sfida ta’ inflazzjoni għolja u żidiet bla preċedent fil-COLA.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farruigia tkellem ma’ Net News u spjegalna r-raġunijiet wara din il-pożizzjoni li qed tieħu l-assoċjazzjoni.

Din iż-żieda fil-minimum wage – dejjem skont l-MEA – mhi xejn ħlief piż fuq in-negozji zgħar u medji, u li se tikreja problemi fil-futur, fejn il-prezzijiet ikomplu jisparaw ‘il fuq u jkomplu jikkawżaw sfidi għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.