Internazzjonali

l-UE tipproponi “Konferenza internazzjonali għall-paċi”

L-UE qablet li b’mod immedjat jinfetħu dawk li qed jissejħu “kurituri umanitarji” sabiex titwassal l-għajnuna neċessarja għan-nies li jgħixu f’Gaza u li qed isofru minn nuqqas kbir ta’ provvisti essenzjali.

Il-ftehim intlaħaq fi tmiem is-summit li sar fi Brussell, fejn il-mexxejja Ewropej qablu wkoll li jkun hemm “pawża” għall-gwerra sakemm titwassal din l-għajnuna umanitarja.

Wara ħames sigħat ta’ diskussjonijiet, il-mexxejja qablu wkoll li jikkundannaw l-azzjonijiet tal-Hamas. Dan filwaqt li appoġjaw id-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi lilu innifsu, skont il-liġijiet internazzjonali.

Il-pajjiżi Ewropej sejħu għal aċċess rapidu u sigur, sabiex jitwasslu l-għajnuniet neċessarji f’Gaza; issa li għaddew kważi tliet ġimgħat sħaħ mill-bidu tal-gwerra fil-Lvant Nofsani.

Il-blokk Ewropew qabel ukoll li titlaqqa’ konferenza internazzjonali għall-paċi. Għalkemm data definittiva ma ġietx stabbilita.

Jidher li din il-proposta għall-Konferenza tal-Paċi tressqet fl-aħħar minuti tas-summit mill-Prim Ministru Spanjol, u d-dettalji dwarha għadhom iridu jiġu imfassla.