Sorsi infurmati fl-Istati Uniti qalu li r-Russja qed toqtol arbitrarjament lis-suldati li jippruvaw jirtiraw mill-battalji mal-Ukreni waqt l-offensiva qalila fil-Lvant tal-Ukrajna. Dan fost sinjali li qed isiru l-esekuzzjonijiet tat-truppi Russi fuq id-direttivi tal-kmandanti tagħhom – bl-Amerikani jirreferu għall-‘provi’ mill-investigazzjonjiet viċin il-belt ta’ Avdiivka.
Il-qawwiet Russi u Ukreni ilhom mill-bidu tax-xahar jiġġieledu għall-kontroll ta’ din il-belt, fir-reġjun Ukren ta’ Donetsk u fejn ir-Russi sofrew telf kbir ta’ ħajja. Hu kalkulat li mietu ‘il fuq minn 5,000 suldat Russu f’dawn il-battalji, bil-qawwiet tal-Kremlin anki jitilfu mal-130 vettura armata.
Intant, is-sinjali li numru ta’ truppi Russi nqatlu ‘taħt idejn sħabhom’ segwew rapporti li ħafna mis-suldati Ruissi kienu rifjutaw li jattakkaw il-pożizzjonijiet tal-Ukreni fil-limiti ta Avdiivka minħabba d-disfatti kbar ta’ qabel.
Issemmew ukoll ‘ir-rewwixti’ fi ħdan it-taqsimiet tal-Armata Russa, bl-esperti militari fl-Istati Uniti qed jaqblu li l-qawwiet mobilizzati tar-Russja mhumiex mgħammrin jew preparati għall-kumbattimenti fit-tul fl-Ukrajna.
Dan meta r-Russja tidher li qed tuża tattika primittiva fl-Ukrajna u fejn qed tibgħat mewġa wara l-oħra ta’ suldati bi ftit esperjenza ta’ gwerra fl-eqqel tal-battalji mal-qawwiet Ukreni…Qawwiet li huma ħafna aktar esperti u dixxiplinati wara l-gwerra tal-aħħar snin mas-separatisti f’Donetsk li qed jappoġġjaw lil Moska.
//= $special ?>