Wara li fl-aħħar sigħat tħabbar li mis-sena d-dieħla, il-paga minima se tkun qed togħla bi €8, ħafna ddiskutew jekk dan l-ammont hux biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jgħix ħajja diċenti jew tal-anqas ikollu l-affarijiet l-iktar bażiċi.
F’post fuq Facebook, diversi persuni qalu kif ta’ kuljum jonfqu medja ta’ €30 f’xirja sempliċi u bażika ta’ bżonnijiet ta’ kuljum. Jekk wieħed jieħu dan l-ammont u jagħmilhom għax-xahar kollu, jiġi li wieħed jonfoq qrib id-€900. Dan apparti x-xirjiet kbar li ssiru mingħand xi supermarket, spejjeż ta’ tobba u mediċini, loans u kontijiet, fost spejjeż oħra li jkollna ta’ kull xahar.



B’persuna tgħid li “jkun hemm ġurnata fejn ma tonfoq xejn iżda ġurnata oħra fejn tonfoq €70 f’darba”, bl-ispejjeż għal żewġ persuni jitilgħu qrib l-€2,000 meta tikkunsidra kollox. B’rispost għal dan il-kumment tgħid li wieħed ma jistax jifhem kif persuna tgħaddi b’paga minima meta din l-istess persuna “għandha paga diċenti u xorta tkun qed tistenna l-paga lejn l-aħħar tax-xahar.”
Taħt l-istess post, kumment jgħid kif minkejja li ssir xirja sew kull xahar u anke xiri ta’ affarijiet bażiċi ta’ kuljum li jlaħqu għal spejjeż kbar, “il-fridge dejjem qisha vojta meta qabel imburġata bl-affarijiet”.



Kull min illum huwa ħaddiem bil-paga minima u jaqla’ €192.73, mis-sena d-dieħla se jkun qed jaqla’ €200.73 fil-ġimgħa – li magħha imbagħad tiżdied il-COLA. Għalkemm dan, skont kummenti tan-nies, jidher li żgur mhux forsi mhux biżżejjed.
Dan hekk kif meta wieħed janalizza dan kollu jinduna li fil-verità l-Gvern mhu se jkun qed jagħti l-ebda żieda lill-ħaddiema li jaħdmu fil-privat għaliex il-piż għal din iż-żieda fil-paga minima se jkun qed tintrefa’ kollha mill-employers. U dan kollu allura se jirriżulta fi spejjeż addizzjonali għan-negozji.
Dan meta fl-istess ħin… anke ż-żieda tal-COLA tintrefa’ kollha kemm hi minn min iħaddem u mhux mill-Gvern.
U allura finalment dan kollu se jħalli impatt kbir fuq l-ekonomija Maltija fejn min iħaddem se jkollu joħroġ iktar flus minn ġewwa.
//= $special ?>