Dan l-aħħar inkiseb riżultat storiku fl-istorja tat-taekwondo lokali meta żewġ atleti żgħar, Dwayne Micallef u Emma Law Lautier, rebħu midalja tad-deheb u midalja tal-fidda rispettivament fil-Kampjonati tal-Ewropa tat-Taekwondo għat-tfal li saru f’Belgrad fis-Serbja.
Dwayne Micallef ikkompeta fil-kategorija Subien Taħt il- 21 kgs filwaqt li Emma Law Lautier ikkompetiet fil-kategorija Bniet taħt l-24 kgs. Ta’ min isemmi li f’dawn il-kampjonati pparteċipaw atleti tal-kategorija minn pajjizi li għandhom tradizzjoni u storja mill-aqwa fit-taekwondo fosthom Serbja, Ażerbajġan, Albanija, Greċja, Moldova u Ukrajna. Filfatt Dwayne rebaħ lill-atleta Ażeri fis-semi finali filwaqt li fil-finali għeleb lill-Ajan Krasniqi, Svizzeru ta’ nisel Albaniż.
Emma Law Lautier għelbet atleta mis-Slovenja fis-semi finali u fil-finali tilfet bi ftit kontra atleta mill-Ukrajna. Dwayne Micallef u Emma Law Lautier huma atleti ta’ Iron Taekwondo League u kienu akkumpanjati mill-kowċ Gianluca Barbara u mill-kowċ nazzjonali Dimitar Vodinaj.
F’dawn il-kampjonati ħadu sehem ukoll tlett atleti oħra fil-kategorija Cadets– Michela Scerri, Nathan Degiorgio u Alycia Cassar.
Minkejja li ma rebħux midalji, huma kellhom wirjiet pożittivi ta’ livell għoli kontra oppożizzjoni bi tradizzjoni fit-Taekwondo.
Il-kontinġent Malti kien immexxi mill-president tal-Malta Taekwondo Association, li hi ukoll viċi-president tal-European Taekwondo Union Anna Vassallo.




