Ebda dispjaċir li vvotat kontra l-inkjesta pubblika – ma taqbilx mad-Deputat Agius Galea
Alison Zerafa Civelli – oħt Lydia Abela – m’għandha ebda rimors li l-Gvern li hi tirrappreżenta baqa’ jagħti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lil Vitals u Steward minkejja li ma laħqux mal-obbligi tagħhom għal snin sħaħ.
Il-Ġimgħa waranofsinhar Net News staqsa lil Zerafa Civelli jekk taqbilx li l-€400,000,000 jingħataq lura, issa li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-kuntratti tat-tlett sptarijiet kienu frawdolenti iżda agħar minn hekk li l-Gvern tal-Labour immexxi minn Joseph Muscat u Robert Abela…kienu fi ftehim magħhom. Iżda għad-domandi tagħna, hija saħqet li l-poplu ħa lura servizzi ta’ saħħa.
Fl-aħħar budget, Alison Zerafa Civelli kienet fost il-Membri Parlamentari Laburisti li vvotaw favur li ta’ Steward jibqgħu jingħataw il-miljuni ta’ ewro minkejja li l-evidenza kollha ta’ frodi kienet diġà ppreżentata kollha kemm hi fil-Qorti.
Madanakollu hi bħal donnu ma jiddispjaċiha assolutament xejn. U fuq kollox … xorta waħda m’għandha l-ebda idea kemm hija ċ-ċifra li skont il-Labour għandu jieħu lura l-poplu…. u rreferietna għad-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament – li fil-verità hu wkoll għadu s’issa ma preċiżax ċifra eżatta.
U waqt li ma jiddispjaċiha assolutament xejn li l-Gvern tal-Labour berbaq il-mijiet ta’ miljuni tal-ewro minn but il-poplu minkejja li kien konxju tal-kuntratti frawdolenti li daħal fihom b’qerq u ingann….jidher li d-Deputat Laburista ma jiddispjaċihiex lanqas fuq vot ieħor li ħadet fil-Parlament, proprju dan is-sajf.
Dan wara li ftit tal-jiem ilu d-Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea stqarr fuq l-istazzjon F Living illi hu jiddispjaċieh li vvota kontra li ssir inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia…iżda insista li kien Robert Abela nnifsu li kkonvincieh li legalment kienu koperti.
Net News staqsa lil Zerafa Civelli tal-inqas jiddispjaċihiex li ħadet dan il-vot…iżda bl-aktar mod ċar jidher li ma taħsibiex bħal seħibha – bil-qasma fil-Labour tkompli tidher aktar evidenti.
Ebda rimors minkejja l-għajta ta’ poplu – ebda rimors minkejja sentenza tal-Qorti li poġġiet lill-Gvern fl-istess keffa ma kumpaniji li wettqu frodi ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro…għax fi kliemha…il-poplu Malti u Għawdxi irċieva mingħand dawn il-kumpaniji servizz ta’ kwalità.
//= $special ?>