Futbol Sport

Futbol tan-nisa: Rebħa kbira għal Malta, it-tielet waħda konsekuttiva

(Ritratt: Domenic Aquilina)

MALTA………………………5

ANDORRA………………..0

Malta: Janice Xuereb, Ann-Marie Said, Emma Lipman (Charlene Zammit), Stefania Farrugia, Ylenia Carabott (Maria Farrugia), Rachel Cuschieri, Alishia Sultana (Kailey Willis), Brenda Borg (Shona Zammit), Emma Xuereb (Jessica Lee Dimech), Nicole Sciberras, Haley Bugeja

Andorra: Luna Vazquez, Maria Moles (Laura Borja Martin), Neus Rosas, Laia Sin (Noa Gallinat Civico), Sonia Del Barco (Gemma Lluch Camin), Maria Da Cruz, Marina Meulas, Maria Ruzafa, Erica Goncalves (Teresa Armengol), Paula Marques, Iria Dominguez (Miriam Tizon Fernandez)

Referee: Meliz Ozcigdem (Turkija)

It-team nazzjonali Malti tan-nisa kiseb it-tielet rebħa konsekuttiva fin-Nations League Group C meta bl-iktar mod konvinċenti t-team immexxi minn Manuela Tesse għeleb lil Andorra 5-0. Bis-saħħa ta’ din ir-rebħa it-tim nazzjonali malti kompla jsaħħaħ l-ewwel post fil-klassifika fejn issa t-tfajliet Maltin għandhom disa’ punti minn tliet logħbiet.

Kif jindika l-iskor il-logħba kienet mingħajr storja bil-Maltin għal kollox superjuri. Tesse bdiet bl-istess formazzjoni li biha bdiet l-aħħar konfront fin-Nations League kontra l-Moldova. Il-bidu tal-Maltin kien wieħed kwiet u kien biss fis-17-il minuta li ħolqu l-ewwel azzjoni denja, azzjoni li wasslet għall-goal tal-vantaġġ.

Kienet il-player ta’ Inter Haley Bugeja li rċeviet mingħand Ann Marie Said u b’daqqa ta’ ras preċiża sabet ix-xibka. Ħames minuti wara l-Maltin irduppjaw meta reġgħet kienet Ann Marie Said li bdiet l-azzjoni fejn qassmet lil Stephania Farrugia li b’lob preċiż sabet ix-xibka.

Għall-kumplament tat-taqsima l-Maltin komplew jattakkaw bil-goalkeeper ta’ Andorra twettaq saves importanti biex żammet l-iskor baxx.

Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Haley Bugeja skorjat it-tieni goal tagħha b’azzjoni personali u xutt b’saħħtu li ma ta l-ebda ċans lil Vazquez issalva. Fl-74 minuta azzjoni ta’ Rachel Cuschieri li żmarkat lil Maria Farrugia li minn qagħda ideali ma żbaljatx.

Il-ħames u l-aħħar goal tal-Maltin wasal tliet minuti wara meta Rachel Cuschieri skorjat minn azzjoni ta’ penalty.

It-tim Malti immexxi minn Manuela Tesse jerġa’ jkun fl-azzjoni din id-darba barra minn darna kontra l-istess Andorra nhar it-Tlieta li ġejjin fejn il-Maltin ifittxu r-raba’ rebħa konsekuttiva biex isaħħu posthom fil-quċċata tal-grupp.

Haley Bugeja tiċċelebra wieħed miż-żewġ gowls li skorjat (Ritratt: Domenic Aquilina)