Ambjent Lokali

Green roof bi 3,000 pjanta se jwassal biex tinġabar informazzjoni xjentifika għal proġetti futuri

Green roof fiċ-Ċentru Għajn għall-Konservazzjoni tal-Ilma fir-Rabat, li huwa magħmul minn 3,000 pjanta, se jintuża għal skopijiet xjentifiċi sabiex jiġbor informazzjoni li tista’ tintuża fi proġetti futuri.

Dan il-proġett se jesplora l-potenzjal ta’ din l-infrastruttura ħadra għall-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li jagħmel il-bini aktar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija.

Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Katanja, u huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Interreg Italia-Malta.

Dan il-green roof jinkludi fih varjetà ta’ veġetazzjoni addattata għall-klima ta’ pajjiżna, kif ukoll pannelli fotovoltajiċi (PV) biex jiġġeneraw enerġija nadifa. Aktar minn 3,000 pjanta ġew introdotti fuq il-bejt, u ġew magħżula speċifikament għall-kapaċità tagħhom li jifilħu l-kundizzjonijiet niexfa ta’ Malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-EWA Manuel Sapiano qal li permezz tal-proġett GiFluid, l-Aġenzija se tistudja l-benefiċċji tal-green roofs anke l-effett tagħhom fuq il-ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-pannelli (PVs). Dan il-proġett se jesplora wkoll il-potenzjal tal-green roofs fil-mitigazzjoni tar-riskji tal-għargħar fil-pajsaġġ Malti.

Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Università ta’ Katanja.