Futbol Sport

Ħamrun jegħlbu lir-rivali Valletta b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

VALLETTA………..1

ĦAMRUN S…………2

Valletta: J. Galea, E. Ruiz, F. Barrientos (K. Conti 82’), S. Ferraris (C. Nogueira 82’), L. Susnjara (D. Garba 52’), F. Falcone, B. Paiber, M. Quintero (C. Gauci 33’), V. Luiz, F. Vega (J. Azzopardi 82’), N. Micallef

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg (J. Corbalan 29’), L. Montebello (E. Bruno 72’), J. Mbong, R. Prsa, E. Freitas (N. Krstic 78’), U. Duranovic (S. Painsil 78’), O. Bjelicic, E. Marcelina, R. Camenzuli, J. Torres

Imwissija: E. Freitas 31’, O. Bjelicic 39’, R. Camenzuli 62’ (Ħ), N. Micallef 33’, F. Barientos 64’, D. Garba 68’, F. Vega 70’ (V)

Skorjaw: U. Duranovic 4’, J. Robert 28’ (Ħ), F. Falcone 90+2′ (V)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli u Roberto Vella

BOV Plejer tal-Logħba: Elionay Freitas (Ħamrun Spartans)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans)

F’partita li kienet ikkaratterizzata minn mumenti sħan bejn iż-żewġ naħat, speċjalment fit-tieni taqsima, kienu ċ-champions renjanti Ħamrun li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 kontra r-rivali eterni Valletta.

Valletta kellhom il-mumenti tagħhom, iżda Ħamrun kienu superjuri u skorjaw darbtejn fl-ewwel taqsima biex ħadu tliet punti u rritornaw għar-rebħ wara d-draw tal-ġimgħa li għaddiet kontra Sliema. Valletta skorjaw fil-ħin miżjud permezz ta’ Falcone iżda dan ma kienx biżejjed bil-partita tintemm 2-1 favur l-iskwadra mmexija minn Luciano Zauri.

Ħamrun ħadu biss erba’ minuti biex marru fil-vantaġġ meta kien kross ta’ Ryan Camenzuli mix-xellug li sab lil Uros Duranovic li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Jake Galea, li laqa’ parzjalment iżda l-ballun baqa’ dieħel fix-xibka.

Reazzjoni Beltija żewġ minuti wara bil-korner ta’ Susnjara jasal għand Ruiz li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tkun imtajra minn fuq il-linja.

Fit-18-il minuta Valletta fuq l-offensiva fejn kross ta’ Ferraris sab lil Enzo Ruiz li għal darb’oħra prova bir-ras bil-ballun ikun imxellef f’korner mid-difiża ta’ Ħamrun.

Ħamrun irdoppjaw fit-28 minuta minn azzjoni mibdija minn Joseph Mbong li qassam lejn Jonny Robert li minn tarf il-kaxxa b’xutt b’saħħtu għeleb lil Vella.

Fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima Valletta provaw jidħlu fil-logħba meta l-free kick ta’ Luiz sab lil Micallef iżda x-xutt tal-eks plejer ta’ Gudja spiċċa f’idejn Bonello.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima b’Ħamrun jidħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju.

Għaddew biss żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u Valletta ingħataw penalty wara li Mbong waqqa’ fil-kaxxa lil Victor Luiz. Mill-11-il metru Brandon Paiber mar għas-saħħa iżda l-ballun stampa mal-mimduda u ċans tad-deheb li Valletta jidħlu fil-partita sfaxxa fix-xejn.

Għal ħinijiet twal it-temperament tal-partita għola mhux ħażin, b’numru ta’ inċidenti fil-pitch bejn il-plejers u diriġenti taż-żewġ timijiet li iżda kienu kkontrollati biex il-partita setgħet titkompla.

Valletta naqqsu d-distakk fil-ħin miżjud permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Federico Falcone minn kross ta’ Christian Gauci iżda dan wasal tard wisq bl-iskor sa tmiem il-partita jibqa’ dak ta’ 2-1 b’Ħamrun jieħdu tliet punti li jżommuhom fil-quċċata tal-klassifika.

Il-penlaty ta’ Brandon Paiber li stampa mal-mimduda fit-tieni taqsima (Ritratt: Joseph Galea)