Lokali

Id-Deputat tal-Labour Alex Muscat ma’ jweġibx dwar is-serqa tal-isptarijiet

Aktar deputati mill-Partit Laburista qed ikomplu jinsistu li mhuwiex minnu li l-poplu Malti u Għawdxi nsteraq €400 miljun fid-deal frawdolenti tat-tliet sptarijiet; deal li ma ssarraf fl-ebda investiment infrastrutturali.

Waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK103 id-Deputat tal-Partit Laburista Alex Muscat baqa’ jinsisti li Vitals u Steward taw servizz tajjeb filwaqt li l-poplu mhux vera nsteraq miljuni ta’ ewro.

Hawnhekk waqt din id-diskussjoni s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino qal li wara s-sentenza li ħarġet mill-Qorti tal-Appell li uriet b’mod ċar li kien hemm kollużjoni bejn il-Gvern, Vitals u Steward, huwa inaċċettabbli li issa l-Gvern immexxi minn Robert Abela qed jargumenta dwar kemm insteraq il-poplu f’dan id-deal.

Apparti minn hekk, Michael Piccinino kkwota diversi paragrafi mis-sentenza; kliem li juri iswed fuq l-abjad li l-Gvern tal-Labour qatt ma ħadem fl-interess nazzjonali iżda ħadem fl-interess ta’ Vitals u Steward.

Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Labour Alex Muscat qal li għalhekk hemm l-arbitraġġ internazzjonali sabiex il-pajjiż jieħu xi flus lura. Iżda meta Muscat kien mistoqsi kemm insteraq il-poplu huwa fl-ebda ħin ma wieġeb din id-domanda.