Lokali

Il-Ħadd: Protesta nazzjonali quddiem Kastilja

Hekk kif il-Ħadd se ssir il-protesta nazzjonali quddiem Kastilja, is-Sibt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar l-aħħar preparamenti li kienu għaddejjin.

Waqt din iż-żjara Bernard Grech tkellem mal-ħaddiema preżenti filwaqt li rringrazzjahom għax-xogħol li qegħdin jagħmlu. Huwa reġa’ tenna l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista li jrid ikompli bil-ġlieda tiegħu għall-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-protesta tal-Ħadd se tibda fl-4pm quddiem Kastilja u din qed issir propju sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jġib lura l-€400 miljun li nsterqu mill-poplu bid-deal frawdolenti tat-tliet sptarijiet.

Dan wara li fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell intqal li kien hemm kollużjoni bejn il-Gvern, Vitals u Steward u li l-Gvern tal-Labour qatt ma ħadem fl-interess nazzjonali f’dan id-deal.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sakemm il-poplu Malti u Għawdxi jieħu flusu lura u għalhekk il-poplu għandu jingħaqad quddiem Kastilja.

Għal dawk kollha li se jattendu għall-protesta se jkun organizzat trasport minn kull lokalità.

Intant, is-Sibt waranofsinhar grupp ta’ żgħażagħ wasslu l-messaġġ tagħhom permezz ta’ banner b’appell sabiex il-Gvern iġib il-flus lura; flus li nsterqu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Segwi l-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hawnhekk:
https://www.instagram.com/reel/Cy8hHw6od8b/?igshid=MTc4MmM1YmI2Ng==