Ambjent Lokali Transport

“In-nuqqas ta’ infurzar fit-toroq għamlu ċ-ċikliżmu aktar diffiċli u perikoluż” – ROTA, Friends of the Earth u Graffitti

B’reazzjoni għall-Istrateġija Nazzjonali taċ-Ċikliżmu, ROTA, Friends of the Earth Malta u Graffitti, ħarġu stqarrija fejn qalu li filwaqt li d-dokument fih diversi miżuri tajbin, l-ambitu u l-profondità tad-dokument mhumiex proporzjonali għas-snin li qattgħu jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ Strateġija/Politika Nazzjonali taċ-Ċikliżmu.

Huma qalu li jinsabu diżappuntati ħafna li wara dan iż-żmien kollu, kulma nkiseb kienet slideshow ta’ 25 paġna. Dan ma jirriflettix la l-ħtieġa u lanqas l-urġenza li biha trid tiġi abbozzata, finalizzata u implimentata Strateġija Nazzjonali serja taċ-Ċikliżmu.

Il-Master Plan tat-Trasport għall-2025, ippubblikat fl-2016, ippropona Politika Nazzjonali taċ-Ċikliżmu, inklużi żewġ kurituri pilota taċ-ċikliżmu. Seba’ snin wara, dan għadu ma seħħx. Fl-istqarrija, huma saħħqu li għaddew ħames snin mill-ewwel tentattiv biex tiġi ppubblikata Strateġija Nazzjonali taċ-Ċikliżmu (abbozz ippubblikat fl-2018) u minn dak iż-żmien ‘l hawn, xogħlijiet fit-toroq li għaddejjin bħalissa, toroq u roundabouts usa’ u akbar, stokk ta’ karozzi li dejjem qed jiżdied, u nuqqas ta’ infurzar fit-toroq għamlu ċ-ċikliżmu aktar diffiċli u perikoluż.

L-infrastruttura taċ-ċikliżmu li ġiet introdotta mhix konnessa, mhux iddisinjata u mibnija skont l-ebda standard ippubblikat u mhux dejjem infurzata u miżmuma (eż. debris u tkabbir żejjed fuq mogħdijiet, parkeġġ illegali, liftijiet ma jaħdmux), filwaqt li fl-istess ħin rotot mitlufa minn ostakoli ġodda għadhom qed jinħolqu b’mod attiv kullimkien.

Il-bicycle sharing ġie introdott f’Malta lejn l-aħħar tal-2016, iżda minn dak iż-żmien l-operatur ewlieni għalaq minħabba nuqqas ta’ infrastruttura sigura u, għalhekk, l-użu baxx ta’ dan il-mod ta’ trasport.

Huma sostnew li l-miżuri biex jiġu introdotti żoni ta’ veloċità baxxa f’żoni urbani, standards ta’ disinn ta’ karreġġjati għar-roti u ġerarkija ta’ utenti tat-triq – jekk jiġu implimentati kif suppost – għandhom il-potenzjal li jagħmlu ċ-ċikliżmu mod sigur u konvenjenti biex wieħed imur madwar Malta.

L-istrateġija tirrifletti kliem vag u passiv, b’sejħiet għal aktar studji minflok ma jiġu stabbiliti miri realistiċi li jwasslu għal riżultati. L-enfasi tagħha hija kważi kollha kemm hi fuq żmien qasir, u m’hemm l-ebda pjan konvinċenti biex tiġi żgurata l-konformità jew tiġi żgurata l-kwalità, aktar u aktar b’nuqqas ta Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni biex jitkejjel il-progress u jiġi evalwat l-impatt.

Il-miżuri ma jikkoerixxux ma’ xulxin biex jintlaħqu miri partikolari, eż. sehem modali ta’ 6 % sal-2030. Mingħajr miri, il-progress ma jistax jitkejjel.

It-tħabbira tad-deċiżjoni li jiġu pprojbiti e-scooters kondiviżi flimkien mal-aħbarijiet ta’ dawn il-miżuri għall-Istrateġija Nazzjonali taċ-Ċikliżmu hija opportunità mitlufa. Kieku l-gvern ra l-opportunità li jipprovdi infrastruttura sigura u adattata għall-mikromobbiltà, li tinkludi kull xorta ta’ apparat żgħir personali (elettriku), bħal roti u scooters, il-promozzjoni ta’ dawn il-modi ta’ trasport setgħet imxiet id f’id.

Dan seta’ jkun fil-forma ta’ postijiet ta’ parkeġġ dedikati għar-roti u scooters, toroq protetti u żoni ta’ tnaqqis ta’ traffiku biex jintużaw mill-modi kollha ta’ mikro-mobilità, u netwerk konness biex dawn il-modi ta’ trasport jintużaw b’mod sikur.

F’ittra mibgħuta lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, elenkaw diversi punti f’aktar dettall, fosthom l-infrastruttura u r-roti, ċ-ċikliżmu u t-trasport pubbliku, r-regoli u s-sigurtà u l-informazzjoni u l-għarfien.