Il-Ġimgħa ġie iċċelebrat l-ewwel tragward importanti fil-vjaġġ tal-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) hekk kif din l-entità ospitat l-ewwel espożizzjoni tal-arti tagħha, “What is to become is already here”, ta’ Conrad Shawcross, fuq is-sit tal-MICAS stess. L-inawgurazzjoni tas-sensiela ta’ installazzjonijiet tal-arti mill-artist kontemporanju ċelebri Ingliż, fl-isfond tal-arkitettura militari storika tal-Ospizio, immarkat ukoll it-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend.
Iċ-Chairperson ta’ MICAS Phyllis Muscat qalet li l-mira tal-entità hu li MICAS tiżviluppa programm internazzjonali b’saħħtu u varjat u li tesebixxi arti u artisti kontemporanji eċċezzjonali. Hija spjegat kif din is-sena, permezz ta’ investiment mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u minn fondi nazzjonali, MICAS avvanzat sew fix-xogħlijiet, bil-bini tal-galleriji miexi b’ ritmu mgħaġġel. “Ninsabu ħerqanin li MICAS tiftaħ il-bibien tagħha uffiċjalment is-sena d-dieħla,” qalet is-Sinjura Muscat.
L-artist kontemporanju Conrad Shawcross fakkar kif kien wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden ta’ MICAS u li immedjatament kien ħass rabta mal-istorja u l-ġeografija ta’ Malta. Fid-diskors tiegħu, huwa spjega kif ispira ruħu mill-pożizzjoni tas-sit tal-MICAS, l-istorja tiegħu, il-viċinanza tal-baħar u l-marina, u l-veduti li jippermetti mis-sulari għolja tiegħu.
MICAS ikkollaborat mill-qrib ma’ Shawcross biex jikkura il-wirja li tinkludi x-xogħol artistiku tiegħu mifrux tul is-sit kollu ta’ MICAS, fil-fatt “What is to become is already here” tinkludi tliet korpi distinti ta’ xogħlijiet. It-titlu ta’ din il-wirja joffri ħjiel tal-essenza tagħha: preludju u ambizzjoni għal dak li ġej fil-MICAS, li se jiftaħ is-sena d-dieħla. L-isem daqstant ieħor riferenza diretta għall-fatt li waqt li MICAS lest biex jiftaħ dalwaqt, il-bini l-ġdid jinsab fil-fortifikazzjonijiet storiċi li ilhom jeżistu għal mijiet ta’ snin u li raw storja mill-aktar inkredibbli.
MICAS se żżid il-kollezzjoni ta’ arti kontemporanja tagħha bl-akkwist ta’ “The Dappled Light of the Sun (Formation I)” tal-istess artist – struttura li tiġbed l-għajn li tinkludi madwar 1,600 tetraedru. Dan ix-xogħol artistiku eċċezzjonali, ispirat mill-mozzjoni perpetwa tad-dinja naturali, se jingħaqad max-xogħlijiet ta’ Ugo Rondinone u Cristina Iglesias fil-kollezzjoni permanenti tal-MICAS. Dawn l-akkwisti jirriflettu l-impenn ta’ MICAS li tiddemokratizza l-arti, filwaqt li tiżgura li dawn il-kapolavuri jkunu aċċessibbli u jitgawdew minn kulħadd.
Il-Kumitat Kreattiv tal-MICAS, immexxi minn Edith Devaney, ikkollabora mill-qrib mal-artist biex dan l-avveniment, li wassal biex ix-xogħlijiet ta’ Conrad Shawcross jesploraw il-pajsaġġ storiku tal-Ospizio, isir realtà.
Il-MICAS International Art Weekend 2023 attirat udjenza internazzjonali notevoli, u tkompli illum, is-Sibt, b’lecture mid-Direttur Amerikan tal-Mużewijiet rinomat, Timothy Rub, dwar it-tema tar-responsabbiltà tal-mużewijiet biex jappoġġjaw il-kontinwità kif ukoll il-bidla segwita minn panel discussion li se tkun immoderata mid-Direttriċi Artistika Edith Devaney. Timothy Rub innifsu, Waqas Wajahat, Conrad Shawcross u Dr Georgina Portelli se jkunu parti mill-panel.
//= $special ?>