Bis-sentenza li ngħatat mill-Qorti inħolqot kriżi kostituzzjonali għax jekk il-Prim Ministru huwa kompliċi f’dan id-deal tat-tliet sptarijiet, ma jistax jieħu passi kontra tiegħu nnifsu. U għalhekk dan jista’ jwassal biex il-flus qatt ma jintraddu lura lill-poplu Malti.
Hekk stqarr id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jieħu sehem fil-programm Opinjoni li xxandar ilbieraħ minn quddiem Kastilja. Adrian Delia qal li dan id-deal skandaluż huwa pjaga u tradiment għall-poplu kollu.
Min-naħa tiegħu l-President tal-MAM, Martin Balzan, reġa’ kkonferma kemm minn dak li wegħdu Steward, ma sar assolutament xejn – fejn il-flus li suppost intuzaw biex isir titjib fl-Isptar, intużaw x’imkien ieħor.
L-opinjonista George Vital Zammit fakkar kif lura fl-2020 kienet saret mozzjoni mill-Oppożizzjoni fejn l-Isptarijiet setgħu jittieħdu lura; iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu.
Fl-istess programm, Kurt Sansone qal li s-sentenza tal-Qorti tal-Appell uriet b’mod ċar li kellek uffiċjali tal-Gvern li għalihom ma ġietx Malta l-ewwel – iżda l-interess tal-barranin.
It-Tnejn li għadda l-Qorti qalet b’mod car li fid-deal li l-Gvern għamel ma’ Vitals u Steward, kien hemm kollużjoni u allura, il-Gvern ma jistax jibqa’ jfarfar mir-responsabbiltà tiegħu.
S’issa għaddew sitt ijiem u l-Gvern għadu qed jinħeba wara l-inkjesta maġisterjali li hemm pendenti, filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għadu qed ikaxkar saqajh u għadu ma ħa ebda azzjoni fil-konfront ta’ dawk il-persuni involuti f’dan is-serq ta’ miljuni minn ħalq il-poplu Malti.
//= $special ?>