Internazzjonali

Mill-anqas 32 mejta f’ħabta bejn diversi vetturi fl-Eġittu

Mill-anqas 32 persuna tilfu ħajjithom u għexieren oħra ndarbu f’ħabta li kienet tinvolvi diversi vetturi fl-Eġittu.

Il-ħabta seħħet is-Sibt filgħodu f’Beheira, fit-triq li minn Kajr tagħti għall-Alexandria – 131km fit-tramuntana tal-kapitali Kajr.

Il-ħabta kienet tinkludi xarabank u karozzi, li wħud minnhom ħadu n-nar.  Ħafna mill-vittmi spiċċaw mietu maħruqa.

Mill-anqas 20 ambulanza ntbagħtu għall-assistenza fis-sit tal-ħabta. Dan l-inċident traġiku jitfa’ dawl fuq l-inċidenti tat-traffiku frekwenti fl-Eġittu, ħafna drabi attribwiti għal kundizzjonijiet ħżiena tat-toroq u nuqqas ta’ konformità mar-regoli tat-traffiku.