Lokali

“Robert Abela ma jridx jiftaħ kawża kontra Vitals u Steward għax huwa kompliċi” – Bernard Grech

Robert Abela ma jridx jiftaħ kawża kontra Vitals u Steward għax jaf li huwa kompliċi… kompliċi f’deal skandaluż li seraq lill-poplu Malti u Għawdxi €400 miljun ewro.

F’intervista li saritlu mill-Professur Andrew Azzopardi waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK 103, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar li kieku ma nfetħitx inkjesta maġisterjali u kieku ma kienx għall-kawża li fetaħ id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, kieku ma kinitx toħroġ il-verità kollha dwar id-deal tat-tliet sptarijiet li sar ma’ Vitals u Steward… b’Abela ma jridx li jiftaħ kawża kontrihom għax jaf li huwa kompliċi.

Bernard Grech qal li s-sentenza li ngħatat mil-Qorti uriet b’mod ċar li Vitals u Steward baqgħu jitħallsu minkejja li ma sar xejn. Fakkar kif lil Steward u Vitals, Joseph Muscat u Robert Abela tawhom iktar minn €400 miljun ewro.

Il-Kap tal-PN kwota dak li qalet il-Qorti dwar dan id-deal skandaluż u sfida lil Abela biex jaqra dak li qalet. Saħaq li huwa d-dmir tal-Gvern li jħares l-interessi tal-pajjiż… fejn flok għamel dan, ħares l-interess tal-investituri. U quddiem dan kollu l-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma ħa ebda azzjoni.

Bernard Grech qal li l-Qorti weħħlet l-ispejjeż lill-Gvern ukoll u din hija l-akbar prova li turi li l-Gvern kellu nuqqasijiet kbar għax kien f’kollużjoni ma’ Vitals u Steward. Fejn sal-lum Abela għadu ma jridx jiftaħ kawża kontra Vitals u Steward.

Dwar iż-żieda fil-minimum wage, Bernard Grech qal li l-PN dejjem jaqbel ma’ kull żieda li tingħata lill-ħaddiema għalkemm din se tkun waħda minima. Fakkar li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u anke tal-minimum wage huwa piż li jintrefa’ minn min iħaddem. Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jisħaq li għandha titneħħa t-taxxa minn fuq il-COLA.

Bernard Grech qal li l-Prim Imħallef  qed juri biċ-ċar li qed jimxi mal-obbligu li għandu lejn il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Mistoqsi dwar in-nuqqasijiet li hemm fil-Qorti, qal li hemm bżonn li immedjatament issir riforma mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd fejn fost l-oħrajn jiżdiedu l-ħaddiema u anke l-ħin.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar kif il-popolazzjoni ta’ pajjiżna trid tiġi mrażżna fejn ikollna mudell ekonomiku li jibbaża fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità.  

Huwa ħeġġeġ lil kulħadd sabiex għada jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista quddiem Kastilja fejn kulħadd għandu jsemma’ leħnu.