Il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina, permezz ta’ ittra tal-avukat tiegħu, Therese Comodini Cachia, is-Sibt filgħodu għamel talba oħra għall-protezzjoni għalih u għall-familja tiegħu lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà.
Minkejja diversi indikazzjonijiet speċifiċi li saru lill-pulizija minn April li għadda, dwar l-ambjent ta’ theddid li jiffaċċja, it-talbiet tiegħu għall-protezzjoni komplew jiġu miċħuda.
Robert Aquilina qal li kien diġa’ informa lill-pulizija b’sinjali ta’ attentat ta’ dħul fid-dar tal-familja tiegħu, kif ukoll qal li żewġ xhieda raw persuni jsegwuh biex jispijjawh. Dawn it-tali persuni li segwewh huma qrib in-netwerk ta’ politiċi li għalihom Robert Aquilina huwa kritiku fl-attiviżmu tiegħu.
L-ittra tgħid li huwa ta’ tħassib li l-pulizija naqset milli tidentifika u taġixxi fuq dan ir-riskju mingħajr ma jkollha għalfejn tiġi mġiegħla taġixxi. U kompliet li dawn it-theddidiet ta’ tentattiv ta’ dħul sfurzat fid-dar tiegħu, sorveljanza minn persuni b’taħriġ ta’ sigurtà, u struzzjonijiet ta’ fastidju mogħtija minn persuni qrib il-Kummissarju, ma jistgħux ma jitqiesux reali u suffiċjenti għalih u għall-familja tiegħu biex jirċievi protezzjoni.
Intant fi stqarrija, Repubblika esprimiet il-preokkupazzjoni tagħna għall-fatt li l-pulizija qed tkaxkar saqajha biex tagħti protezzjoni xierqa lil min qed jissielet għas-sewwa f’pajjiżna. Repubblika sostniet li hija preokkupata bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-pulizija u mill-Istat Malti li jipprovdi protezzjoni lill-Robert Aquilina wara numru ta’ inċidenti.
L-iżolament ta’ min jaħdem kontra l-korruzzjoni hija tattika perikoluża ħafna. Sfortunatment, l-istorja riċenti ta’ pajjiżna turi kif l-iżolament, aktar w’aktar meta akkumpanjat mill-impunità, iwassal għat-traġedji.
Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, Repubblika saħqet li l-awtoritajiet tal-pajjiż għandhom l-obbligu li jieħdu azzjoni sakemm ma jridux ikunu kompliċi. Jeħtieġ li kull min jaħdem għas-sewwa ikun imħares mit-theddid tal-korrotti.
//= $special ?>